Lokali Saħħa

“Faċilment tikkawża mewt anki jekk tittieħed b’dożi żgħar”

Droga sintetika li qatlet 72,000 persuna fl-Istati Unit jidher li hemm ċans titfaċċa fl-Ewropa u f’Malta. Dan hekk kif il-Laboratorju tal-Analiżi tad-Droga Forensika fl-Università ta’ Malta ħarġet ktejjeb li juri x’għandha tagħmel persuna li tiltaqa’ mad-droga sintetika magħrufa bħala fentanyl.

Skont l-istqarrija mill-Università ta’ Malta, is-soċjetà Maltija qed tiġi infiltrata minn żewġ tipi ta’ drogi sintetiċi magħrufa bħala cannabinoids u cathinones. Magħhom issemmiet ukoll il-fentanyl li jidher li qed tinfiltra sew fl-Ewropa.

Il-fentanyl hija opijojd sintentiku b’saħħtu simili ħafna għall-morfina, iżda bejn 50 u 100 darba aktar b’saħħtu, skont l-Istitut Nazzjonali tal-Abbuż mid-Droga fl-Istati Uniti. Filwaqt li din hija wkoll mediċina li tista’ tiġi ordnata minn tabib, jidher li qed tiġi manifatturata wkoll b’mod illegali. Dan infatti qiegħed iqajjem aktar u aktar tħassib.

F’kummenti li l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma għadda, wissa’ li din id-droga taf faċilment tikkawża mewt anki jekk tittieħed b’dożi żgħar.

L-istess droga letali taf tħalli effett fuq in-nifs anki permezz ta’ 2 jew 3 milligrammi biss apparti li jaf tħalli wkoll effett jekk tmissha mal-ġilda jew ma’ għajnejk.

Bħal drogi oħrajn, il-fentanyl taffettwa l-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-uġigħ u l-emozzjonijiet. Skont l-Istitut, meta wieħed repetutament jieħu l-opjojdi, il-moħħ jadatta għad-droga u jagħmilha diffiċli li wieħed iħoss sodisfazzjon minn xejn ħlief id-droga nnifisa.

L-effetti tal-fentanyl jinkludu kuntentizza estrema, għajja, sturdament, konfużjoni, konstipazzjoni, sedazzjoni, problemi bin-nifs, u anke li wieħed jintilef minn sensieh.