Lokali

FIL-MARSA: Sid ta’ negozju jkollu jonfoq €1,500 minn butu biex jirranġa t-triq li l-awtoritajiet abbandunaw

Sid ta’ garaxx li għandu negozju tat-tajers u li jopera mill-Marsa kellu joħroġ €1,500 minn butu biex jirranġa t-triq li ġiet abbandunata mill-Kunsill Lokali Laburista tal-Marsa u mill-awtoritajiet.

Il-każ seħħ fl-aħħar jiem meta s-sid ta’ dan in-negozju, li hu self-employed, kellu jġib minn jeddu grupp ta’ ħaddiema, kera skipp u wkoll trakk tal-konkos biex jirranġaw it-triq. Dan hekk kif it-triq hi mimlija ħofor fondi u biċċiet kbar tal-ġebel.

F’filmat fuq il-midja soċjali, is-sid tal-garaxx iddikjara li ripetutament għamel appelli lill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista fil-Marsa kif ukoll lill-awtoritajiet biex din it-triq titranġa. Madankollu ġie njorat.

Dan hekk kif is-sid tan-negozju kien qed isofri minn telf ta’ klijenti minħabba s-sitwazzjoni ta’ din it-triq, Triq it-Tiġrija, li hi waħda mit-toroq sekondarji ta’ Triq Diċembru Tlettax. Filfatt jidher li s-sid tilef il-klijentela minħabba li diversi sidien ta’ vetturi evitaw li jmorru  għandu biex ma jagħmlux ħsara fil-vetturi tagħhom.

“Dawn minn ħalq uliedu ħarġu dawn il-flus,” iddikjaraw xi nies li kkummentaw fuq il-filmat waqt li nnutaw l-assenza tal-Kunsill Lokali Marsi fil-konfront tal-bżonnijiet tar-residenti Marsin.

L-azzjoni ddisprata ta’ dan is-sid tan-negozju fil-Marsa hi sintomatika tal-frustrazzjoni tar-residenti Marsin li ilhom għall-aħħar xhur jilmentaw minn diversi problemi, fosthom is-sigurtà u l-abbandun fil-lokalità.

Fost l-oħrajn, kienet żjara tal-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, xi xhur ilu, li wasslet biex l-għassa tal-lokalità tibda tinfetaħ regolarment.