Lokali

Id-29 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

Id-29 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards ser issir nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju. Dan ġie iddikjarat waqt it-tnedija tal-IGM Awards nhar is-Sibt li għadda.

Nigel Mifsud, is-Segretarju Ġenerali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin stqarr kif din is-sena is-serata finali tal-Awards ser issir ġewwa l-Forti Sant’ Anġlu fil-Birgu, bil-finalisti jitħabbru nhar il- 15 ta’ Ġunju ġewwa The Palace Hotel.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-IGM Yannick Pace u l-Viċi chairperson Roderick Agius.

Is-sottomissjonijiet għal din is-sena ser jintlaqgħu sat-13 t’April, fejn kull ġurnalist qed jintalab jibgħat sa massimu ta’ sottomissjoni waħda għal kull kategorija għall-kuntrarju tas-snin ta’ qabel fejn il-ġurnalisti kienu jintalbu jibgħatu tlett sottomissjonijiet.

Roderick Agius spjega kif din is-sena ser ikun hemm 18-il kategorija, fosthom titli ġodda inkluż għal xogħolijiet li ġew ippublikati fuq portals jew midja soċjali. Dan sabiex aktar ġurnalisti jiġu mħeġġa jieħdu sehem f’dawn l-awards minħabba li llum il-ġurnata, l-midja soċjali saret ferm popolari.

Waqt l-istess tnedija l-IGM tkellem dwar kif l-ACCESS CARD li ġiet maħruġa din is-sena u l-PRESS CARDS li kienu jinħarġu fis-snin ta’ qabel huma biss għal avvenimenti tal-gvern u għalhekk l-IGM qed tiddiskuti din is-sitwazzjoni sabiex fi ftit żmien ieħor jinħarġu ACCESS CARDS mill-istess istitut sabiex il-ġurnalisti ikunu jistgħu jaċċessaw konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet oħra li jsiru matul is-sena bħala parti minn xogħolhom.

L-istitut tal-Ġurnalisti Maltin tkellem ukoll kif bħalissa l-IGM qed tiddiskuti l-possibilta li ssir union minħabba l-fatt li diversi assoċjazzjonijiet oħra barra l-pajjiż għandhom dan l-irwol.