Kunsilli Lokali Lokali

Ir-Rabtin jixirqilhom aħjar – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm il-Biedja fuq quddiem tal-prijoritajiet tiegħu

Ir-Rabtin jixirqilhom aħjar u żgur li ma jistennewx li l-Kunsill Lokali tagħhom jiffaċċja diffikultajiet mill-Gvern stess, li suppost jgħin fil-ħidma u mhux ixekkel.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Laburista ma ħalliex lis-Sindku Laburista stess Charles Azzopardi jaħdem, tant li l-Partit Laburista spiċċa saħansitra qaċċtu ‘l barra għax kien jaħdem ma’ kulħadd.

Waqt żjara lir-residenti u l-komunità kummerċjali fir-Rabat, min-naħa l-oħra, Adrian Delia qal li Kunsill ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jwiegħed li jkompli jaħdem b’risq ir-residenti kollha ħalli dawn verament jerġgħu jibdew jiġu stmati l-ewwel u qabel kollox.

F’lokalità li għandha rabta qawwija mal-Agrikoltura, hu qal li l-Partit Nazzjonalista hu kommess li jżomm il-Biedja fuq quddiem fil-prijoritajiet tiegħu. B’hekk, ikun salvagwardjat il-prodott Malti, anke grazzi għal proposti li għamlet l-Oppożizzjoni għal dan is-settur fil-ġimgħat li għaddew.

Hawn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u tal-Parlament Ewropew, kif ukoll mill-Kordintur Politiku Jean Pierre Debono.

Adrian Delia kkritika lill-Gvern li qed jipprova jneħħi l-Kumitati Amministrattivi meta dawn huma eżerċizzju ieħor ta’ deċentralizzazzjoni tal-poter għal idejn il-poplu u mhux f’idejn il-politiku. Bħala parti mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, hemm il-Kumitati Amministrattivi tal-Baħrija u Tal-Virtù.

Il-proposta tal-Gvern tistona mal-mod kif il-Partit Nazzjonalista jrid isaħħaħ lil dawn il-Kumitati, anke fost l-oħrajn billi dawn jingħataw aktar saħħa, fondi u awtonomija.

Adrian Delia sellem ukoll lill-Kaċċaturi n-Nassaba, fejn irrikonoxxa li għal xi żmien seta’ ma kienx hemm sinerġija bejnhom u l-Partit Nazzjonalista. Hu għalhekk li jrid jara li l-Partit jiddiskuti għalihom ukoll, filwaqt li jitkellem magħhom ħalli jara kif dawn jistgħu jgawdu mill-ġdid id-delizzji tagħhom.

Fil-ħwienet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ kif minkejja dak kollu li jingħad, is-sidien għaddejjin minn għadd ta’ problemi fin-negozju tagħhom.