Dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, la għadha saret diskussjoni u wisq inqas ġew ippubblikati studji li jikkonfermaw li l-mina hi l-aktar mezz faċli sabiex wieħed jivvjaġġa bejn iż-żewġ gżejjer.
Iddikjaraw dan grupp ta’ 13-il għaqda mhux Governattiva, li s-Sibt filgħodu esprimew diżappunt għad-dikjarazzjonijiet li saru minn esponenti tal-Gvern Laburista li d-diskussjonijiet dwar il-mina bejn Malta u Għadex huma magħluqin.
Huma stqarrew li dawn id-diskussjonijiet għadhom lanqas bdew u l-istudji li qed jissemmew baqgħu qatt ma ġew ippubblikati biex ikunu skrutinizzati. Fost dawn, l-istudji dwar l-utilita’ u l-impatti tal-mina.
Fost l-alternattivi għall-mina hemm mezzi oħra tat-trasport li ilhom imwegħda mill-Partit Laburista għal snin twal iżda baqgħu qatt ma saru … fost dawn is-servizz ta’ fast ferry u r-raba vapur.
L-għaqdiet iddikjara li d-deċizjoni jekk il-mina hijiex l-aħjar soluzzjoni għall-isfidi ta’ mobilita’ għandha tittieħed biss wara li jitwettqu studji serji u indipendenti. Barra min hekk, il-pubbliku għandu d-dritt li jipparteċipa u jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar dan is-suġġett.
Qalu li l-impressjoni li ngħatat mill-Project Description Statement ippublikat mill-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi hija li l-mina se tipprovdi konnessjoni bla xkiel bejn iż-żewġ gżejjer iżda fil-prattika, dan mhux se jkun il-każ.
Dan għaleix innutaw li dak li qed jiġi pospost huwa mina dejqa b’korsija waħda f’kull direzzjoni. Meta tikkunsidra d-9,000 karozza li mistennija jgħaddu minn din il-mina kuljum, jitqajmu dubji dwar jekk il-mina hux se tnaqqas il-ħin ta’ vjaġġar.
L-NGOs tkellmu ukoll dwar l-impatt ambjentali tal-mina fuq Malta u Għawdex u għalhekk jitolbu li jsir Strategic Environment Assessment qabel ma jitkomplew il-pjanijiet. Fakkru li dan l-istudju huwa obbligu legali qabel kull pjan ippreparat mill-Gvern, iżda li dan s’issa għadu ma sarx.
//= $special ?>