Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP Zammit Dimech b’ħidma għal Facebook aktar sigur

L-MEP Francis Zammit Dimech f'laqgħa fl-uffiċini ta' Facebook fi Brussell

“Għandna bżonn inżidu l-isforzi tagħna biex inwaqqfu t-tixrid tal-fake news, diskors ta’ mibegħda (inkluż dak li jinċita l-aggressjoni) u l-kontenut terroristiku online. Is-sigurtà hi prijorità għalina u ta’ tħassib kbir għan-nies, u għalhekk irridu nindirizzawha. Fl-istess ħin, irridu wkoll nassiguraw li liġi ġdida tal-UE ma tillimitax il-libertà tal-espressjoni jew timpedixxi t-tixrid tal-kontenut ġurnalistiku, ta’ riċerka u dak edukattiv.” L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal dak waqt laqgħa li kellu fl-uffiċini ta’ Facebook fi Brussell li matulha ddiskuta r-regolament il-ġdid li qed jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni tat-tixrid tal-kontenut terroristiku online.

Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech ltaqa’ ma’ diversi stakeholders biex jiddiskuti dan is-suġġett, inkluż ma’ Google u Facebook. Zammit Dimech ppreżenta wkoll numru ta’ emendi biex isaħħaħ din il-liġi.

Zammit Dimech qal li hu jrid awtoritajiet tassew indipendenti fl-Istati Membri li jkunu nvoluti fit-tneħħija ta’ kontenut illegali online. “Immaġina jkollok awtoritajiet amministrattivi li jkunu politiċi, u li jkunu responsabbli biex ineħħu kontenut partikolari. Din xi ħaġa anti-demokratika. Hu għalhekk li filwaqt li qed ninsisti li jkun hemm awtorità waħda kompetenti (li tista’ tkun diġà teżisti), hemm bżonn li tkun involuta l-ġudikatura jew mezzi oħra li jassiguraw li l-awtorità kompetenti taġixxi indipendentement mill-Gvern.” Dwar dan, Zammit Dimech sejjaħ għat-trasparenza u biex l-awtorità kompetenti tippubblika rapporti annwali ta’ trasparenza dwar azzjonijiet li tkun ħadet, inkluż kemm tkun ħadet deċiżjonijiet dwar tneħħija ta’ kontenut. Zammit Dimech insista wkoll li għandu jitwaqqaf mekkaniżmu effettiv u aċċessibbli li jippermetti li jkun hemm ilmen t meta jitneħħa kontenut.

Matul il-laqgħa, Zammit Dimech ddiskuta wkoll il-bżonn li Facebook isaħħaħ il-miżuri proattivi tiegħi biex jiġġieldu kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-fake news. Hu rrefera għal każi fejn personalitajiet Maltin ġew użati biex jixxerred il-fake news, inkluż numru ta’ aħbarijiet favur il-Gvern permezz ta’ reklami mħallsa li jinkoraġġixxu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jużaw Facebook biex iżuru siti u artikli b’riskju ta’ frodi. Zammit Dimech ilmenta li għaddew ġimgħat sħaħ biex dawn ir-reklami tneħħew.

Zammit Dimech, li hu membru tal-Kumitat responsabbli mill-Media, tkellem ukoll dwar id-diskors ta’ mibegħda. Hu rrimarka li diversi nies f’Malta, inkluż’ l-attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u politiċi, kienu vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda minħabba t-twemmin tagħhom, u għalhekk hemm bżonn sforzi konkreti biex din il-kwistjoni tiġi ndirizzata.