Lokali

“Malta bl-agħar żieda fil-paga minima minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea” – rapport tal-Eurofound

Wara li f’Jum il-Mara pajjiżna kklassifika l-agħar f’dak li għandu x’jaqsam mad-differenza fil-pagi bejn is-sessi, skont statistika tal-Eurostat, l-għada pajjiżna reġa’ spiċċa f’qiegħ klassifika oħra.

Dan hekk kif il-Eurofound, aġenzija tal-Unjoni Ewropea, stabbiliet li Malta rat l-inqas żieda fil-paga minima meta kkumparata maż-żieda fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Waqt li fi Spanja l-paga minima żdiedet bi 22%, il-ħaddiema Maltin li jaħdmu bil-paga minima raw biss żieda ta’ 1.9%. Dan ipoġġi lil pajjiżna fl-aħħar post u b’distakk, hekk kif it-tieni l-inqas żieda kienet reġistrata fil-Portugall, fejn il-ħaddiema esperjenzaw żieda ta’ 3.5%.

Skont dan l-istudju, iż-żieda fil-paga minima f’Malta kienet tammonta biss għal tmien ċenteżmi fis-siegħa, li jfisser li impjegat bil-minimum wage jitħallas biss €4.33.

Jekk wieħed iqabbel il-paga minima f’Malta mal-medja fl-Unjoni Ewropea, tirriżulta diskrepanza qawwija. Dan hekk kif il-medja Ewropea hi ta’ €924 waqt li f’Malta wieħed isib iċ-ċifra miżera ta’ €762 fix-xahar.

F’reazzjoni għal dan, il-General Workers’ Union iddikjarat li ż-żieda fil-paga minima f’Malta mhix adegwata u li l-kunċett kollu tal-mekkaniżmu taż-żieda fil-paga minima għandu jiġi rivedut.

L-istatistika tikkonferma dak li ilha għall-aħħar snin tgħid l-Oppożizzjoni, li tappella għal żieda fil-paga minima biex ikunu mgħejuna dawk li mhux ilaħħqu maż-żieda tal-għoli tal-ħajja … fosthom 300 li spiċċaw jgħixu f’karozza, 27 persuna li qed jgħixu barra fit-triq u mijiet li jgħixu f’garaxxijiet.

Is-Sibt, anke l-ġurnal L-Orizzont tkellem dwar il-kriżi tal-pagi f’Malta, bi storja ta’ ħaddiema li jaqilgħu inqas minn €7,500 f’sena u li jiddikjaraw li qed jaħdmu bla dinjità.

Il-ġurnal jitkellem ma’ impjegat ta’ fabbrika li jaħdem b’kuntratti qosra ta’ sitt xhur u b’pagi, leave u benefiċċji inqas mill-ħaddiema tal-post sempliċiment għax lilu jimpjegah il-kuntrattur.