Lokali

Membru tal-Bord tal-PBS japprova Kandidat tal-Partit Laburista

Membru tal-bord editorjali tax-xandir nazzjonali, inkarigat li jiżgura l-imparzjalità tal-istazzjon, minflok spiċċa japprova pubblikament Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il-Kandidat u editur preċidenti tal-Orizzont, Josef Caruana, ippubblikat filmat li juri lil Charles Flores, membru tal-bord editorjali tal-PBS, fejn ifaħħru pubblikament. Il-filmat joħroġ ftit xhur wara li Flores, f’Novembru li għadda, uża l-opinjoni tiegħu fuq l-orizzont biex jirredikola lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Minkejja li fil-filmat jagħmel eloġju sħiħ lill-kandidat tal-Partit Laburista, l-avukat tal-Bord Editorjali Joseph Refalo ddefendieh. Mistoqsi minn ‘The times of Malta’ Refalo ddikjara li Flores mhux qed jiffavurixxi partit jew ieħor.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ Flores qajmu dubji dwar kemm il-bord editorjali tal-PBS jista’ jkun imparzjali u ma jippermettix li l-Partit Laburista jimbotta l-aġenda tiegħu.

Tant hu hekk li wara l-elezzjoni tal-2017, delegazzjoni tal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa kienet ġiet f’pajjiżna u, wara li analizzat lil pajjiżna kienet issuġġeriet li ssir reviżjoni tar-regoli għall-ħatra tal-membri tal-‘Broadcasting Regulator’ b’mod li tissaħħaħ l-indipendenza sabiex tiżdied il-fiduċja pubblika.