Futbol Sport

Piatek jagħti rebħa oħra lil Milan

(Ritratt: EPA)

Milan komplew bil-forma pożittiva tagħhom meta tħabtu biex għelbu lil Chievo 2-1 fi Stadio Bentegodi u kkonfermaw it-tielet post għal ġimgħa oħra qabel id-Derby della Madonnina kontra Inter.

Kien LUCAS BIGLIA li poġġa lil Milan minn fuq fil-31 minuta bi free-kick perfett fir-rokna xellugija ta’ fuq, b’Stefano Sorrentino li ma seta’ jagħmel xejn. Chievo ġabu d-draw għaxar minuti wara meta PERPARIM HETEMAJ għola tajjeb meta rċieva kross mil-lemin u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Gianluigi Donnarumma.

Iżda Milan skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fis-57 minuta. Minn kross mix-xellug, għola Samu Castillejo b’daqqa ta’ ras li spiċċat fid-direzzjoni ta’ KRZYSZTOF PIATEK li mattar siequ u għeleb lil Sorrentino, gowl konfermat bil-VAR.

Fil-logħba l-oħra, Parma rebħu konfront min-nofs tal-klassifika meta fi Stadio Ennio Tardini għelbu lil Genoa 1-0. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-78 minuta meta minn korner mix-xellug, għola tajjeb JURAJ KUCKA li d-daqqa ta’ ras tiegħu ħabtet mal-art u mal-mimduda u wara taħwida fil-kaxxa l-ballun reġa’ spiċċa għandu li spara fis-saqaf tax-xibka mill-viċin.

Serie A

Ilbieraħ: Juventus v Udinese 4-1, Illum: Parma v Genoa 1-0, Chievo v Milan 1-2, Għada: Bologna v Cagliari 12.30pm, Frosinone v Torino 3.00pm, Inter v Spal 3.00pm, Sampdoria v Atalanta 3.00pm, Sassuolo v Napoli 6.00pm, Fiorentina v Lazio 8.30pm, It-Tnejn: Roma v Empoli 8.30pm

Tags