Futbol Sport

Tkompli t-taqtigħa għall-post fiċ-Champions League bejn it-timijiet ta’ Milan u Ruma

Ir-riżultati tal-aħħar ġurnata tal-kampjonat Taljan wasslu biex ħolqu taqtigħa aktar evidenti bejn it-timijiet ta’ Milan u Ruma biex jinkisbu ż-żewġ postijiet importanti biex staġun ieħor jikkompetu fiċ-Champions League.

Jekk hemm tim mill-erbgħa fil-forma hu Milan. Ir-Rossoneri ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi u rebħa barra minn darhom kontra t-tim tal-qiegħ Chievo, jikkonferma t-tielet post qabel id-Derby della Madonnina kontra Inter. Fl-2019, Milan sofrew biss tliet gowls mill-11-il logħba li lagħbu, bl-akkwisti ta’ Jannar Lucas Paquetà u Krzysztof Piatek jagħmlu impatt immedjat.

Inter fuq in-naħa l-oħra għaddejjin minn perjodu partikolari hekk kif għadha tidwi l-kwistjoni marbuta ma’ Mauro Icardi li għadu nieqes. Aktar minn hekk il-kowċ Luciano Spalletti għandu neqsin ukoll lil Radja Nainggolan u Keita Balde, Ivan Perisic ħareġ imweġġa’ fil-logħba tal-Europa League kontra Eintracht Frankfurt, filwaqt li Matias Vecino se jkun sospiż.

Jekk it-timijiet ta’ Milan jibdew favoriti fil-konfronti tagħhom, Lazio għandhom l-itqal konfront mill-erba’ timijiet. Huma jilagħbu kontra Fiorentina fi Stadio Artemio Franchi, konxji mill-fatt li ma jistgħux jitilfu aktar punti hekk kif bħalissa għandhom logħba nieqsa. Huma ġejjin minn rebħa importanti ta’ 3-0 fuq Roma, bil-kowċ Simone Inzaghi għadu jrid jagħmel evalwazzjoni tal-plejers dubjużi fosthom Ciro Immobile.

Is-sitwazzjoni ta’ Roma hi differenti hekk kif inbidel il-kowċ u rriżenja d-Direttur Sportiv wara l-eliminazzjoni miċ-Champions League. Żewġ telfiet fi ftit jiem poġġew lil Roma f’sitwazzjoni aktar magħluqa hekk kif issa l-għan tagħhom hu li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa. Huma jilqgħu lil Empoli, tim li jinsab biss punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni u fl-aħħar ħames logħbiet kisbu biss ħames punti.

Serie A

Ilbieraħ: Juventus v Udinese 4-1, Illum: Parma v Genoa 6.00pm, Chievo v Milan 8.30pm, Għada: Bologna v Cagliari 12.30pm, Frosinone v Torino 3.00pm, Inter v Spal 3.00pm, Sampdoria v Atalanta 3.00pm, Sassuolo v Napoli 6.00pm, Fiorentina v Lazio 8.30pm, It-Tnejn: Roma v Empoli 8.30pm

Tags