Futbol Sport

Tripletta ta’ Sterling u vantaġġ ta’ erba’ punti għal Manchester City

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions tal-Ingilterra Manchester City għamlu pass ieħor lejn id-difiża tat-titlu b’rebħa, 3-1, fuq Watford fl-Etihad Stadium u fejn l-eroj kien l-attakkant Ingliż Raheem Sterling, li skorja l-gowls kollha tas-Citizens fit-tieni taqsima.

Watford setgħu ħasbu li kienu resqin lejn riżultat pożittiv wara li llimitaw lil City għal ftit attakki fl-ewwel 45 minuta, iżda t-tieni taqsima bdiet fuq nota kontroversjali meta Sergio Aguero għadda ballun lil Sterling li, minn pożizzjoni dubbjuża, xeħet fix-xibka minkejja li ssikkat minn Janmaat. Għalkemm l-assistent referee waqt l-azzjoni kien għolla l-bandiera għal offside, ir-referee Paul Tierney, wara diskussjoni fit-tul mal-assistent iddeċieda li jikkonvalida l-gowl fost il-protesti ħorox tal-Hornets.

Intant ma kien hemm xejn dubjuż dwar it-tieni gowl li wasal erba’ minuti wara meta Sterling xeħet ġewwa mill-viċin fuq il-kross ta’ Riyad Mahrez — bl-istess plejer jgħaqqad tripletta personali mas-siegħa logħob meta għadda bejn żewġ difensuri u sab ir-rokna tax-xibka għat-18-il gowl tiegħu tal-istaġun. Fis-66 minuta, Watford naqqsu d-distakk meta Troy Deeney sab lil Gerard Deulofeu li ma żbaljax minn quddiem Ederson, bir-riżultat ma jinbidilx sat-tisfira finali. Intant, Manchester City qed jistennew il-logħba f’Anfield bejn Liverpool u Burnley, bir-Reds qed jidhru favoriti għat-tliet punti biex ikomplu bl-isfida għall-ewwel rebħ tal-ogħla kampjonat mill-1990.

Il-ġlieda għat-tielet u r-raba’ post tal-Premier League kompliet tiħrax wara li Tottenham Hotspur sofrew telfa xejn mistennija kontra Southampton f’St Mary’s Stadium. Spurs iddominaw l-ewwel taqsima u daħlu jistrieħu fil-vantaġġ wara li Harry Kane għeleb lil Gunn fis-26 minuta u għall-200 gowl tiegħu fil-Premier League.

Iżda t-tieni taqsima rriservat sorpriża enormi, bis-Saints jaqilbu r-riżultat fl-aħħar kwarta – bl-ewwel gowl jasal minn Yan Valery li approfitta mill-iżball ta’ Danny Rose biex James Ward Prowse fil-81 minuta, għeleb lill-gowlkiper Lloris bi free-kick sensazzjonali għall-gowl tar-rebħa.

Rimonta oħra inkredibbli kienet ta’ Newcastle United li dawru żvantaġġ doppju kontra Everton biex ħarġu bit-tliet punti minn konfront eċċitanti f’St James Park. Everton fetħu l-iskor wara 18-il minuta minn Dominic Calvert-Lewin u wara li Matt Ritchie falla penalty għal Newcastle (wara l-fawl ta’ Pickford fuq Rondon) it-Toffees irduppjaw minn Richarlison (33) biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ pjuttost komdu.

Intant, it-tieni taqsima rat lil Newcastle jixħtu kollox fuq l-attakk, b’Salomon Rondon jiftaħ tamiet ġodda għall-Geordies b’volley mill-isbaħ u bi Newcastle imbagħad jiskorjaw darbtejn oħra minn Ayoze Perez fil-81 u l-84 minuta għal rebħa improbabbli daqskemm kienet meritata.

Cardiff City irritornaw għar-rebħ fiż-żmien opportun bis-suċċess ta’ 2-0 fuq West Ham United jiftħilhom tamiet ġodda li joħorġu miż-żona l-ħamra. Il-Bluebirds marru fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti meta Junior Hoilett ikkonkluda għal ġewwa l-assist ta’ Josh Murphy. Il-gowl deċiżiv għal Cardiff wasal fit-tieni taqsima meta Victor Camarasa xeħet ġewwa fuq azzjoni oħra ta’ Murphy,  bid-difiża tal-Hammers tinqabad fuq sieq waħda.

Crystal Palace tilfu f’darhom 1-2 kontra Brighton u jinsabu f’periklu li jispiċċaw fl-eqqel tal-ġlieda taħraq lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika. Glenn Murray poġġa lis-Seagulls fil-vantaġġ wara 20 minuta – u bil-gowl ikun wieħed partikolari minn aspett personali peress li kien il-100 wieħed tiegħu fil-kampjonat. Wara l-mistrieħ, Palace għamlhom 1-1 bil-penalty ta’ Milivojevic (it-tmien wieħed tal-istaġun) iżda kwarta mit-tmiem, Anthony Knockaert issiġilla r-rebħa għas-Seagulls bi ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper, Guaita.

Huddersfield Town qegħdin jidhru kważi rassenjati għal ritorn fiċ-Championship wara telfa oħra f’darhom – din id-darba kontra Bournemouth li jinsabu komdi f’nofs il-klassifika. Il-gowls taċ-Cherries waslu wieħed f’kull taqsima, b’Callum Wilson isib ix-xibka fl-20 minuta fuq il-kross ta’ Fraser u b’Wilson fis-66 minuta jirritorna l-kumpliment lil Fraser li rdoppja għall-ewwel rebħa ‘away’ ta’ Bournemouth fil-kampjonat minn Ottubru.

Brendan Rodgers aċċerta mill-ewwel rebħa tiegħu bħala l-manager ġdid ta’ Leicester City bil-Foxes jissuperaw lil Fulham 3-1 fil-King Power Stadium. L-attakkant Jamie Vardy fil-21 minuta, ħadem ballun tajjeb għal Youri Tielemans li ma kellux diffikultà biex jikkonkludi, iżda Fulham għamluhom 1-1 wara l-mistrieħ, grazzi għas-sostitut Floyd Ayite. Intant, Leicester ħadu lura l-vantaġġ fit-78 minuta minn Vardy wara t-through-ball perfett ta’ Maddison, u bl-istess attakkant għaxar minuti wara jiskorja t-tieni gowl personali u t-tielet wieħed  għal Leicester. Il-gowl kien anki ċelebrat bil-kbir bħala l-100 wieħed għal Jamie Vardy bil-flokk ta’ Leicester City.

Premier League

Illum: C. Palace v Brighton 1-2, Cardiff v West Ham 2-0, Huddersfield v Bournemouth  0-2, Leicester v Fulham 3-1, Newcastle v Everton 3-2, Southampton v Tottenham 2-1, Man City v Watford 3-1, Għada: Liverpool v Burnley 1.00pm, Chelsea v Wolves  3.05pm, Arsenal v Man United 5.30pm