Futbol Sport

Valletta jaċċertaw fl-ewwel taqsima

(Ritratt: Domenic Aquilina)

VALLETTA……………. 3   PIETÀ HOTSPURS…………………. 0

Valletta: H. Bonello, R. Saleh, R. Camilleri, J. Caruana, J. Borg, R. Muscat (A. Monticelli 46’), S. Malano (N. Pulis 78’), M. Alba, B. Gavrila (K. Nwoko 67’), M. Fontanella, B. Kaljevic

Pietà: N. Vella, T. Bartolo (T. Ose 72’), I. Jalo (K. Mercieca 68’), S. Radovanovic, H. Singh, D. Agius, J. Artiaga, N. Pace Cocks, G. Kekua, J. Busuttil (J. Scicluna 78’), P. Chimezie

Imwissi: H. Singh 35’ (P)

Skorjaw: M. Fontanella 29’, S. Malano 36’, B. Gavrila 43’ (V)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Darko Stankovic

Il-Mument Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)

Valletta ħadu dak li riedu hekk kif mingħajr tbatija għelbu lil Pietà Hotspurs 3-0 biex b’hekk laħqu lil Hibernians fil-quċċata tal-klassifika. L-iskor finali seta’ kien akbar kieku Valletta ma fallewx diversi okkażjonijiet fit-tieni taqsima. Għal Pietà din kienet l-għaxar telfa konsekuttiva hekk kif jidhru destinati lejn l-Ewwel Diviżjoni.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic kellu neqsin lil Steve Borg, Enmy Pena Beltre, Joseph Zerafa u Matteo Piciollo filwaqt li l-kowċ ta’ Pietà Ramon Zammit kellu għal darba oħra jgħaddi mingħajr il-koppja ċentrali Christian Grech u Antonio Machedo Neto kif ukoll lil Uchenna Umeh u Gabriel Mensah.

Kif mistenni Valletta fetħu fuq l-attakk u setgħu skorjaw darbtejn fl-ewwel minuti. L-ewwel azzjoni seħħet fis-sitt minuta meta Bojan Kaljevic niżżel ‘l quddiem b’sidru lejn Jean Borg li qabbeż fuq Nicky Vella iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra. Minuta wara, Kaljevic seta’ faċilment fetaħ l-iskor meta f’pożizzjoni ideali rċieva kross mill-isbaħ ta’ Miguel Alba mix-xellug, iżda l-attakkant naqas li jolqot il-ballun.

Minkejja li ma kinux perikolużi, Pietà ħarġu ftit mill-qoxra difensiva iżda f’dak li jista’ jitqies l-aħjar mument tagħhom, Valletta fetħu l-iskor fis-29 minuta. Kien kross mil-lemin ta’ Bojan Kaljevic lejn MARIO FONTANELLA li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras preċiża għar-rokna għeleb lil Vella.

Fontanella seta’ rdoppja ħames minuti wara meta rċieva tajjeb mingħand Raed Saleh iżda ġġenneb wisq u ħela l-okkażjoni. Madankollu l-Beltin irduppjaw fis-36 minuta bi free-kick mil-lemin ta’ Bogdan Gavrila mil-lemin, daħal tajjeb SANTIAGO MALANO li b’daqqa ta’ ras preċiża fuq l-ewwel lasta għeleb lil Vella.

L-iskor saħansitra sar 3-0 fit-43 minuta b’passaġġ preċiż fit-tul ta’ Miguel Alba lejn BOGDAN GAVRILA li għeleb in-nasba tal-offside, stenna l-ballun jinżel u għeleb lil Vella b’xutt mill-kaxxa li ħabat mal-wieqfa qabel daħal.

It-tieni taqsima naqqset mir-ritmu tagħha b’Valletta jikkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà. Fit-52 minuta huma setgħu kabbru l-iskor b’Mario Fontanella jqassam lejn Bojan Kaljevic iżda x-xutt fil-baxx tiegħu ġie mċaħħad mill-wieqfa. Tlettax-il minuta wara, Kaljevic għadda lejn Miguel Alba li seta’ għamel aħjar hekk kif dam jaħsibha u x-xutt finali ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Fl-aħħar kwarta tliet okkażjonijiet għal Valletta. Fis-76 minuta xutt ta’ Alba għadda għoli u ħames minuti wara laqtu l-lasta permezz tas-sostitut Nicholas Pulis, b’Kaljevic jitfa’ barra mill-viċin. Fil-ħin miżjud, xutt ta’ Antonio Monticelli kien imdawwar f’korner.