Ekonomija Għawdex Lokali Transport

Biex jagħmel il-metro, il-Gvern irid ikabbar il-popolazzjoni ta’ Għawdex

Anke l-popolazzjoni tal-Mellieħa, skont il-Gvern, se jkollha tisplodi fid-daqs

Biex il-Gvern joħloq sistema ta’ metro lejn Għawdex il-popolazzjoni tal-gżira Għawdxija trid tiżdied għal 150,000 persuna – ħames darbiet aktar minn kemm hi bħalissa. U li jfisser illi għal kull Għawdxi, il-Gvern qed jippjana li jżid bejn erbgħa u ħames ħaddiema barranin.

Dan joħroġ minn studju mwettaq mill-konsulenti tal-Gvern hekk kif jirriżulta li l-kumpanija Brittanika Arup infurmat lill-Ministru tat-Trasport Ian Borg li sabiex il-metro tiġi estiża u tingħaqad mal-gżira Għawdxija – il-popolazzjoni t’Għawdex trid tiżdied madwar hames darbiet aktar minn dik preżenti.

Dan ifisser biss li meta l-Gvern jgħaqqad lill-gżejjer Maltin b’din is-sistema tat-trasport, Għawdex trid tiġi popolata mill-barranin.

Lura fi Frar il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li jekk il-poplu jrid il-metro estiża lejn Għawdex ifisser li jrid aktar bini f’din il-gżira. Muscat kien tenna li jrid jgħaqqad lil Gżejjer Maltin bil-patt u l-kundizzjoni li tiżdied il-popolazzjoni Għawdxija.

Il-konsulenti tal-Gvern sostnew ukoll li jekk il-metro se tiġi estiża lejn it-tramuntana ta’ Malta l-popolazzjoni tal-Mellieħa trid tiżdied b’ħames darbiet aktar – minn 10,000 għal 50,000.