Filwaqt li l-kumpanija Liquigas qed tiċħad li hemm xi problemi ta’ sigurta’ fiċ-ċilindri tal-gass, kemm il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Joe Mizzi kif ukoll ir-Regolatur dwar l-Enerġija u l-Ilma (REWS) kienu mwissija li ż-żieda fl-użu tal-propane tqanqal tħassib.
Din it-twissija kienet żvelata fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta Maltatoday. Iktar kmieni din il-ġimgħa – wara tliet splużjonijiet fi spażju ta’ ftit jiem – il-kumpanija Liquigas qalet li mit-tliet inċidenti, wieħed kien tort ta’ appliance difettuża u l-ieħor kien pajp maqsum. Dwar it-tielet inċident, Liquigas ma kkummentatx għaliex għaddejja inkjesta Maġisterjali.
Iżda min-naħa l-oħra, sorsi qrib l-industrija esprimew tħassib li kien hemm żieda fl-użu tal-gass propane meta ċ-ċilindri suppost għandhom jintlew b’taħlita ta’ propane u LPG.
Skont in-nota li ntbagħtet lill-Ministru Mizzi u lir-REWS, tgħid li f’dawn l-aħħar xhur, il-Liquigas xtrat biss Propane. L-Importaturi huma obbligati li jirrapportaw x’tipi ta’ gass kienu mpurtati f’Malta. Jidher li kilo ta’ propane joħroġ iktar litre ta’ gass likwidu meta mqabbel ma’ LPG.
L-Esperti jgħidu li jekk iċ-ċilindri jimtlew biss bil-propane, dan jista’ jkun ta’ periklu minħabba pressjoni żejda fil-pajpijiet, b’mod partikolari fejn il-pajp tal-lastiku iġonġi mal-pajp tar-ramm u jkun marbut bi clip.
Filwaqt li dan l-arranġament mhux perikoluż meta l-gass fiċ-ċilindru hu t-taħlita magħrufa bħala G30, il-ġonta ma tiflaħx il-pressjoni ogħla tal-propane.
Fi stqarrija, Liquigas qalet li ċ-ċilindri ħodor u sofor tagħha huma ċertifikati minn assoċjazzjoni teknika u li l-awtoritajiet Maltin iwettqu superviżjoni tal-mili taċ-ċilindri tal-gass.
//= $special ?>
