Penalty ta’ Mifsud Triganza jikkundanna lil Qrendi
PEMBROKE A. ……………………. 1 QRENDI ……………………………. 0
Pembroke A: P. Schranz, A. Mizzi, J.P. Mifsud Triganza (K. Borg 78’), G. Azzopardi, Z. Grech, T. Fenech, D. Cachia, I. Misan, J.P. Oliveira Santos (M. Da Rosa Wilmsen 89’), Y. Tonna, G. Claudio Da Silva.
Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, M. Farrugia, B. Bondin, D. Sammut (L. Brincat 72’), Z. Bowman, D. Zarb, J. Spiteri, J.P. Da Silva Vargas (D. Martini 75’), C. Quaranta, J. Silveira Da Silva (K. Abela 53’).
Referee: Sandro Spiteri
Qrendi kelhom ibaxxu rashom għal telfa mhux tistħoqqa kontra Pembroke meta tilfu 1-0 b’gowl skorjat minn penalty minn Mifsud Triganza. Qrendi kellhom iktar mil-logħob fl-ewwel taqsima iżda sofrew il-gowl deċiżiv kontra x-xejra tal-logħob.
Fit-tieni taqsima Pembroke ħarġu aħjar u kellhom ċans tad-deheb f’saqajn Mifsud Triganza li kien salvat minn fuq il-linja, iżda fl-aħħar ħinijiet kienu Qrendi li assedjaw lill-avversarji, iżda Philip Schranz wettaq interventi kbar biex salva r-riżultat. Fl-aħħar ħinijiet Qrendi wkoll appellaw għal penalty u anki kellhom ballun li spiċċa mal-lasta.
Kienu Qrendi li kellhom l-aħjar azzjonijiet fl-ewwel taqsima fejn wara 13-il minuta xutt ta’ Jonathan Silveira għadda ftit barra u sitt minuti wara xutt ta’ Ciro Quaranta għadda fti barra. Fis-26 minuta azzjoni tajba fuq ix-xellug ta’ Quaranta li qassam lejn Sammut li minn qagħda ideali xeħet għoli.
Minuta wara kienu Pembroke li fetħu l-iskor, meta Yanis Tonna daħal tajjeb fil-kaxxa fejn kien imwaqqa’ mill-goalkeeper Farrugia u mill-11-il metru kien JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA li xeħet fix-xibka.
Fit-tieni taqsima Pembroke iktar perikolużi fejn Oliveira Santos kellu żewġ xuttijiet salvati minn Farrugia. Qrendi introduċew lill-attakkant veteran Kenneth Abela biex isaħħu l-attakk, iżda reġgħu kienu Pembroke li resqu qrib meta Oliveira Santos qassam lejn Mifsud Triganza li qabeż anki lill-goalkeeper iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn fuq il-linja minn Bowman.
Fl-aħħar minuti kienu Qrendi li xeħtu kollox fl-attakk u hawn beda dwell personali bejn Ciro Quaranta u l-goalkeeper Schranz li wettaq tliet interventi determinanti biex slava r-riżultat. Fil-ħin miżjud Qrendi kienu wkoll ferm sfortunati meta xutt bid-dawra tas-sostitut Luca Brincat stampa mal-wieqfa.
Żebbuġ jitbiegħdu mill-periklu
ŻEBBUĠ R. ……………………… 3
SWIEQI U. ……………………… 0
Żebbuġ R: J. Borg, D. Fava, R. Vella, H. Vella (M. Camilleri 76’), S. Buhagiar, B. Muscat (S. Schembri 67’), C. Brincat, R. Micallef (S. Darmanin 40’), J. Farrugia, I. De Rocha Souza, G. De Sousa Braga.
Swieqi U: J.C. Debattista, J. Cassar (H. Hansberg 73’), M. Attard, K. Muscat, K. Sultana, I. Margarit (S. Grech 68’), M. Vella, S. Ibrahim, M. Farrugia, L. Scicluna, D. Borg.
Referee: Alex Johnson
B’wirja tajba u rebħa faċli Żebbuġ kisbu tliet punti mportanti kontra Swieqi biex resqu f’żona iktar trankwilla fil-klassifika. Il-logħba kienet ferm missielta u bilanċjata fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni taqsima il-logħba daret għal kollox favur Żebbuġ li rduppjaw permezz ta’ penalty fil-bidu u kisbu wkoll superjorita numerika meta tkeċċa Marc Attard fl-54 minuta.
Wara minuta u nofs ċans tad-deheb għal Pembroke fejn Salis Ibrahim ġie wiċċ’imb wiċċ mal-goalkeeper li dawwar għal korner u fit-13-il minuta freekick ta’ Margarit kien salvat b’diffikulta minn Jurgen Borg. Żebbuġ kellhom reazzjoni tajba u freekick ta’ De Rocha Souza kien salvat minn Debattista li dawwara għal korner. Mill-istess azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Brincat ħabtet mal-mimduda u mir-rebound ix-xutt ta’ De Souza Braga kien maqlugħ minn fuq il-linja.
Fl-20 minuta Żebbuġ marru minn fuq meta Buhagiar qassam lejn RYAN MICALLEF li mill-viċin mattar siequ u kompla għal ġewwa. Minuta wara risposta ta’ Swieqi u xutt ta’ Margarit minn qagħda ideali jkun salvat minn Borg.
Il-logħba baqgħet interessanti biż-żewġ naħat jilagħbu logħob miftuħ, iżda azzjonijiet ta’ skor ma kienux ikkrejati. Lejn tmiem it-taqsima Żebbuġ kellhom jibdlu lil Ryan Micallef li weġġa’ wara ħabta mal-goalkeeper avversarju u minflok daħal jilgħab Shawn Darmanin.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima kuntatt fil-kaxxa bejn De Souza Braga u Jackson Cassar u mill-11-il metru kien HUBERT VELLA li spara fix-xibka. Fl-54 minuta daqqa ta’ ħarta oħra għal Swieqi meta Marc Attard dabbar it-tieni karta safra u kien imkeċċi.
Fl-64 minuta Żebbuġ għalqu l-logħba meta minn freekick ta’ Brandon Muscat kien CLIVE BRINCAT li b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta xeħet fix-xibka minkejja l-attentat ta’ Sultana li pprova jsalva minn fuq il-linja. Fl-aħħar fażi l-logħba saret pjuttost nervuża b’diversi kuntrasti u kwistjonijiet bejn il-plejers. Żebbuġ kellhom xi ċansijiet oħra ta’ skor hekk kif Swieqi bdew jippruvaw biex tal-inqas jiskorjaw gowl ta’ konsolazzjoni.
//= $special ?>