Lokali

Ħarġu lil Konrad biex jimminaw lil Fearne

Konrad Mizzi diġà ħatar numru ta' gruppi ċkejknin biex jiffukaw fuq objettivi varji tal-kampanja tiegħu

Se jkun il-Ministru Konrad Mizzi l-kandidat prinċipali ta’ Kastilja biex tikkumbatti l-kandidatura tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne hekk kif Joseph Muscat iwarrab minn Mexxej tal-Partit Laburista fl-aħħar tas-sena.

Laqgħat li ilhom għaddejjin numru ta’ ġimgħat wasslu biex ħmistax ilu l-Ministru Konrad Mizzi laqqa’ grupp żgħir ta’ persuni leali lejh u mhux biss ħabbrilhom l-intenzjonijiet tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej Laburista, imma tahom karigi speċifiċi fuq xiex għandhom jaħdmu.

Dawk preżenti għal din il-laqgħa ntalbu biex ikunu ta’ sostenn u biex jgħinuh ukoll jifforma numru ta’ gruppi ċkejknin ta’ persuni li se jkunu qed jiffukaw fuq objettivi differenti bl-iskop li l-kampanja ta’ Konrad Mizzi tkun ‘clean sweep’ u li tilħaq lid-delegati kollha tal-Partit.

L-għan aħħari ta’ Kastilja hu li jdgħajfu l-kandidatura ta’ Chris Fearne akkost ta’ kollox. Sa ftit xhur ilu ta’ Kastilja kienu konvinti li bejn Ian Borg u Miriam Dalli setgħu jegħlbu lil Chris Fearne. Iżda wara li rriżulta li Fearne xorta jibqa’ l-kandidat favorit mal-maġġoranza tat-tesserati Laburisti, intalab Konrad Mizzi biex jidħol fit-tiġrija.

Il-kalkolu ta’ Kastilja hu li Ian Borg u Miriam Dalli jġibu biżżejjed voti bejniethom biex malli t-tesserati jiġu biex jivvotaw bejn Fearne u Mizzi, ta’ Ian Borg u ta’ Miriam Dalli jingħaqdu ma ta’ Konrad biex jegħlbu lil Chris Fearne.

Dawk madwar Konrad Mizzi jafu tajjb li l-istess Mizzi jgawdi ċertu popolarità fost id-delegati Laburisti, iżda huma konxji wkoll tal-fatt li fin-Nofsinhar hu t-Tabib Chris Fearne li għandu għeruq sodi ħafna u jgawdi ċertu popolarità. Hemm ukoll il-konsiderazzjoni li għall-ewwel darba l-Partit Laburista se jkollu elezzjoni għal ħatra ta’ mexxej bħalma kellu l-Partit Nazzjonalista u li fiha se jivvotaw it-tesserati Laburisti.

Barra minn hekk, meta mbagħad jiġu għad-delegati fit-Tramuntana u f’Għawdex l-argument hu li dawn ma tantx jissimpatizzaw ma’ Konrad Mizzi minħabba li dellu hu tqil u kien involut fil-Panama Papers u skandli oħrajn. Skont din il-faxxa ta’ delegati Laburisti għalkemm Konrad Mizzi hu deskritt bħala moħħ tajjeb u organizzatur tajjeb, iżda mbagħad dak li għamel ma tantx kien ta’ gwadann u ġid għall-Partit Laburista għaliex illum huma mċappas ma’ bosta allegazzjonijiet dwar korruzzjoni.

Sorsi li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument qalulna li x-xenarju attwali fil-ġlieda għal meta Joseph Muscat jirriżenja fl-aħħar tas-sena, issa nbidel ftit mhux ħażin.

Il-Ministru Ian Borg li għal mument kien hemm min ħaseb li seta’ jkun hu l-favorit ta’ Kastilja fil-ġlieda kontra l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, issa ħareġ ċar li se jkollu jaqdef għal rasu għax ta’ Kastilja jinqdew bih riedu u mhux veru li se jappoġġjawh sal-aħħar. Dawk madwaru jemmnu li b’tim tajjeb u ħabrieki huma wkoll jistgħu jkunu kontendenti tajbin fil-ġlieda għal-leadership tal-Partit.

Quddiem dan ix-xenarju mhux eskluż li jaqta’ qalbu l-Konsulent ta’ Kastilja u Deputat Robert Abela li mistenni jagħmel kif dejjem għamel u jaħseb għal rasu billi jingħaqad ma’ wieħed mill-kontestanti u jikkuntenta ruħu b’Deputat Mexxej bħalma kien missieru George Abela.

Ix-xenarju hu wieħed kumplikat ħafna iżda l-aktar li jispikka hu l-mod kif Kastilja qed tilgħab il-karti tagħha biex tassigura li tnaqqar kemm tiflaħ mill-voti tad-delegati lil Chris Fearne li akkost ta’ kollox ma jriduhx li jkun hu s-suċċessur ta’ Joseph Muscat.

Sadattant hemm min qiegħed jistaqsi x’seta’ ġara bejn ta’ Kastilja u Miriam Dalli biex din twarrbet milli tkun il-kandidata ta’ Kastilja biex tieħu post Joseph Muscat. Huma diversi l-possibbli raġunijiet li jingħadu fost id-delegati, bl-aktar argument interessanti jkun li allura l-proġett ‘LEAD’ li kien inħoloq biex proprju għada pitgħada jservi ta’ armata favur Miriam Dalli, se jkun falla nofs triq.
F’dan ix-xenarju kollu d-delegati Laburisti qed jistaqsu wkoll x’se tkun il-logħba tal-General Workers’ Union u favur min se timmilita.

Fil-ħarġa tal-ġurnal tal-GWU nhar it-Tnejn li għadda, il-Union imbuttat bil-kbir il-kandidatura tal-Ministru Konrad Mizzi b’saħansitra ritratt kbir fuq il-faċċata ta’ quddiem mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Imbagħad it-titlu prinċipali tal-ġurnal kien jgħid: “Il-Ministru Konrad Mizzi: Flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat inkomplu niksbu l-bidla pożittiva u meħtieġa fil-pajjiż”.

Ta min jgħid li fuq quddiem jaħdem għal Konrad Mizzi hemm l-eks editur ta’ L-ORIZZONt Josef Caruana li wara l-elezzjoni tal-2017 ingħata impjieg f’Kastilja u issa se jikkontesta għal MEP.

Żgur li fil-magħluq il-ġlieda interna fil-Partit Laburista għat-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit hi waħda ħarxa ħafna, aktar u aktar meta kulma jmur qiegħed jissokta jingħad li Joseph Muscat akkost ta’ kollox irid li jdabbar rasu hekk kif jgħaddu l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

L-aħħar osservazzjoni fl-isfond ta’ dawn il-fatti kollha ġejja minn delegat Laburista li jimmilita favur il-kandidatura tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li staqsa għaliex ta’ Kastilja għamlu u qed ikomplu jagħmlu l-bsaten fir-roti kollha lit-Tabib milli jkun hu l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista ġdid? X’jista’ jaf dan dwarhom biex hu tant ta’ periklu għal uħud f’Kastilja?”