Lokali

ILLUM il-maratona ġbir ta’ fondi ‘Flimkien għal Pajjiżna’

"Inkomplu niġbru l-ftit mingħand il-ħafna biex nissoktaw insaħħu lill-Partit Nazzjonalista"

Illum il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza l-maratona ġbir ta’ fondi bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’.

F’intervista ma’ il-mument, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Robert Arrigo appella lil partitarji kollha Nazzjonalisti biex matul il-jum jiġu d-Dar Ċentrali u jikkontribwixxu mill-aħjar li jistgħu għaliex b’hekk ikomplu jsaħħu lill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jsir gvern alternattiv denju għal dan il-gvern.

Hu qal li fis-soċjetà Maltija hawn firxa wiesgħa ta’ nies li huma mxebba’ bil-gvern ta’ Joseph Muscat għal bosta raġunijiet. Min minħabba li dan il-gvern iwarrab lill-batut u lill-vulnerabbli, min għaliex jassoċja lill-gvern mal-korruzzjoni u min għaliex fil-Gvern jara nies li ma jiddejqux iħammġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna billi jitfgħu dell ikrah u tqil fuq Malta, fosthom fuq l-industija tas-servizzi finanzjarji.

Robert Arrigo qal li l-Partit Nazzjonalista l-ħin kollu għaddej b’inizjattivi importanti ta’ ġbir ta’ fondi biex ikun jista’ jkompli jikber u jsaħħaħ l-operat tiegħu. Dan il-ġbir tal-ftit mingħand il-ħafna mhux biss ipoġġi aktar fis-sod il-finanzjament tal-Partit, iżda jgħin ukoll lill-Partit biex jagħmel l-investimenti meħtieġa u r-rinovament meħtieġ li għandu bżonn il-Partit.
Hu qal li waħda mill-inizjattivi importanti li nieda l-Partit Nazzjonalista hi dik taċ-ċedoli li kienet waħda ta’ suċċess kbir. Dik hi inizjattiva li għadha għaddejja sal-lum u ħeġġeġ biex aktar partitarji Nazzjonalisti jissieħbu f’din l-inizjattiva.