Membri fil-Bank tal-Ġudikatura, kemm Imħallfin kif ukoll Maġistrati, qed iħossuhom skomdi għall-aħħar jeżerċitaw u jħaddmu l-funzjoni tagħhom ta’ Imħallef jew Maġistrat rispettivament fid-dawl tal-fatt li fl-Awli tagħhom spiss ikun hemm il-preżenza tal-Avukat Pawlu Lia li filwaqt li hu l-Avukat tal-Prim Ministru hu wkoll ir-rappreżentant tal-istess Prim Ministru fil-Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati tal-Ġustizzja.
Membri fil-Bank tal-Ġudikatura li f’nofs din il-ġimgħa tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ il-mument qalulna li filwaqt li fil-Qrati qed iħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ problemi serji, fosthom ukoll għaliex il-Gvern bħal donnu mhux jagħti prijorità ġenwina u serja lid-diskussjoni fi ħdan il-Kummissjoni Venezja, kulma jmur qed tkompli tikber il-problema ‘Pawlu Lia’.
Lil hinn minn eżerċizzju dwar il-Qrati u l-fiduċja li din il-gazzetta kienet qed tagħmel fost Avukati fil-Belt Valletta, l-istħarriġ tagħna żviluppa f’laqgħa mhux mistennija ma’ membri fil-Ġudikatura li enfasizzaw magħna li l-Gvern irnexxielu joħloq biża’ wkoll fost l-Imħallfin u fost il-Maġistrati fil-qadi tad-doveri tagħhom.
Dan meta l-Prim Minstru Joseph Muscat, li għandu bħala l-Avukat personali tiegħu lill-Avukat Pawlu Lia – li hu wkoll l-Avukat tal-Partit Laburista u dan għal għadd ta’ snin twal – issa poġġih ukoll bħala r-rappreżentant tiegħu fil-Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati tal-Ġustizzja.
Din hi Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati tal-Ġustizzja li hi magħmula mill-Prim Imħallef, żewġ Imħallfin, żewġ Maġistrati, l-Avukat Ġenerali, ir-rappreżentant tal-Prim Ministru u r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni.
Dak li qed jiġri bħalissa hu li l-Avukat Pawlu Lia qiegħed jokkupa rwoli differenti fl-istess ħin… jiġifieri tar-rappreżentant tal-Prim Ministru f’din il-Kummissjoni tad-Dixxiplina fil-Qrati tal-Ġustizzja, iżda fl-istess waqt li jiddefendi lill-istess Prim Ministru.
Skont dawk li tkellmu ma’ il-mument din hi sitwazzjoni mill-aktar perikoluża li qed tikkostitwixxi pressjoni fuq id-dritt fundametali u xieraq tal-partijiet fis-smigħ tal-kawżi.
Dan minħabba l-fatt li kemm Imħallfin kif ukoll Maġistrati qed iħossuhom ‘skomdi’ fil-qadi tad-doveri tagħhom għaliex faċilment jistgħu jispiċċaw imsejħa jidhru quddiem l-istess Avukat Pawlu Lia fil-Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati tal-Ġustizzja.
Il-Ġudikanti li tkellmu ma’ il-mument dejjem b’enfasi kbira fuq il-kunfidenzjalità, qalulna wkoll li l-Prim Ministru bħala r-rappreżentant tiegħu fil-Kummissjoni tad-Dixxiplina tal-Qrati tal-Ġustizzja messu għażel Avukat ieħor u mhux lill-Avukat Difensur tiegħu u tal-Partit Laburista – kunfitt ta’ interess flagranti.
“Aħna naħsbu li anki għall-istess abbli Avukat Pawlu Lia, dan hu xenarju xejn ġust. Imma dak hu x-xenarju li bħalissa qed naħdmu fih. Xenarju mill-aktar perikoluż li finalment jista’ jimpinġi wkoll fuq ix-xogħol aħħari tagħna għaliex faċilment ikun hemm min ma jkunx irid idarras lill-istess Avukat Pawlu Lija u jiżbalja bil-konsegwenzi kollha li jiġu wara.”
Dawk li ddeċidew li jiftħu qalbhom ma’ il-mument biex direttament jgħaddulna din l-informazzjoni sensittiva, qalulna wkoll li l-focus fuq din il-problema serja ntefa’ fil-jiem li għaddew meta fil-kuriduri tal-Qorti bdiet tissemma’ l-Avukat Nadine Lia bħala li se tkun nominata għall-Bank tal-Ġudikatura, preċiżament għall-Bank tal-Maġistrati. L-Avukat Nadine Lia hi l-mara tat-tifel tal-Avukat Pawlu Lia, li min-naħa tiegħu wkoll jokkupa kariga kostituzzjonali fuq il-bord tal-Awtorità tax-Xandir. “Jidher li ‘its all in the family’ qalulna l-ġudikanti li wrew diżappunt għall-mod kif qed jittratta l-ġustizzja Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici.
F’dan ir-rigward, minn stħarriġ li għamilna separatament, irriżulta li kollegi Avukati xejn ma huma kuntenti b’tali nomina kemm-il darba ssir u eventwalment timmaterjalizza bħala membru fil-Maġistratura.
Argument komuni kien li bħal donnu li l-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex jaħtaf ukoll lill-istituzzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja. “Inutli jsiru diskussjonijiet twal fil-Kummissjoni Venezja jekk il-Gvern jibqa’ għaddej bil-ħatriet tiegħu ta’ Avukati ta’ età żgħira f’ċerti rwoli biex imbagħad darba jkunu lesti d-diskussjonijiet fl-istess Kummissjoni jinstab li kollox hu mfassal u mimli.”
Għal darba oħra kien identifikat ukoll l-argument dwar il-ħatriet li qed isiru fil-Bank tal-Ġudikatura u fil-Bank tal-Imħallfin fejn għal darba oħra ssemma’ l-isem tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li kollox jindika li se taqbeż lill-kollegi l-oħrajn kollha – uħud minnhom bi snin twal ta’ servizz fil-Maġistratura – biex tinħatar Imħallef.
Dawk li tkellmu ma’ il-mument fissru li bir-raġun kollu li dan qed joħloq aktar apatija u nuqqas ta’ motivazzjoni, partikularment fost il-Maġistrati għaliex aħbarijiet bħal dawn jikkostitwixxu aktar diżappunti… proprju wara li ftit tax-xhur ilu l-istess Bank tal-Maġistratura kien ingħata daqqa oħra kbira bil-ħatra – xejn personali – tal-Maġistrat Grazio Mercieca għal Imħallef fejn anki dakinhar kienu nqabżu għadd ta’ Maġistrati bl-aktar mod sfaċċat.
Sorsi lil hinn minn dawk li tkellimna magħhom din il-ġimgħa fil-Belt Valletta, meta kuntattjati minn il-mument, ikkonfermaw li għandhom suspetti kbar li hi Kastilja l-post fejn qed jinħmew l-istrateġiji kollha tal-Gvern dwar il-ħtif tal-istituzzjonijiet kollha importanti f’pajjiżna…jiġifieri l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata, il-Bank Ċentrali…u issa kollox jindika li l-mossa li jmiss tirrigwarda lill-Qrati tal-Ġustizzja bid-danni kollha li ħaġa bħal din tista’ ġġib magħha.
“Wieħed ma jridx jinsa li diġà hawn xettiċiżmu u nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront tal-Qrati. Ħażin jagħmel il-Gvern – u jkun qed jiżbalja bil-goff – jekk ikompli jxellef il-fiduċja u l-integrità tal-Qrati Maltin,” qalilna sors li ilu snin twal jimmilita viċin il-Qrati tal-Ġustizzja.
Dan temm jgħidilna, li bir-raġun kollu li attwalment il-Bank tal-Ġudikatura, b’mod partikulari tal-Maġistrati, hu infurjat bin-nomina tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace għall-kariga ta’ Mħallef. Dan fih innifsu jfisser li wara ftit xhur biss mill-ħatra tagħha bħala Maġistrat, issa se tkun qed taqbeż lill-kollegi l-oħra kollha li għandhom esperjenza aktar minnha fl-istess Maġistratura.”
//= $special ?>