Lokali

Jibda jopera l-katamaran MV Ġwanni Pawlu II

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, mijiet ta’ nies attendew għal Open Day fuq il-katamaran il-ġdid – il-katamaran Ġwanni Pawlu II, huwa t-tieni l-ikbar tat-tip tiegħu u l-aktar katamaran veloċi fil-Mediterran.

Dan il-katamaran li se jkun qed jopera bejn Malta u Sqallija kapaċi jġorr fuqu mad-900 passiġġier u 170 vettura abbord. B’kollox hemm installati 1,100 siġġu sabiex kulħadd ikollu fejn ipoġġi, b’ammont ta’ siġġijiet jinsabu fuq barra.

Il-vjaġġ mistenni li jieħu inqas ħin mill-katamaran li kien jintuża f’dawn l-aħħar snin hekk kif il-veloċità tiegħu tlaħħaq is-70 kilometru fis-siegħa.

Dawk li marru l-Open Day setgħu mhux biss jaraw il-katamaran minn ġewwa iżda wkoll ingħataw l-opportunità li jaraw il-kabina fejn ikun il-kaptan u l-ekwipaġġ. Għal din il-ġurnata kien hemm numru ta’ delegazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali ta’ Pozzallo, Ragusa, Modica, Scicli, Ispica, Siracusa u Comiso fejn kienu qed joffru ikel u inbid tipiku Sqalli u Malti fost mużika ta’ Sqallija.

Fuq il-katamaran wieħed isib numru ta’ ħwienet ta’ kull tip, filwaqt li wieħed jista’ jieħu miegħu anke l-annimali domestiċi hekk kif hemm post fejn jinżammu tul il-vjaġġ kollu.