Lokali

Jibdew jaslu l-għasafar għall-passa fir-riservi naturali

Hekk kif ix-xitwa waslet fi tmiema u fi ftit ġranet oħra tibda r-rebbiegħa, fir-riservi naturali kien hemm l-ewwel sinjali tal-passa tal-għasafar.

L-ewwel qtajja’ żgħar ta’ Ħuttaf kienu nnutati jittajru fir-Riserva Naturali tas-Simar filwaqt li fir-Riserva tal-Għadira rritornat il-Monakella. Minn naħa l-oħra, fir-Riserva Naturali tas-Salina diġa’ bejjet l-ewwel par ta’ Glalez Suwed u ġew osservati wkoll l-ewwel Monakella u l-ewwel qatgħa ta’ Rsieset Griżi.

“Filwaqt li dawn ir-riservi naturali huma spazji żgħar f’pajjiżna li jagħtu prijorità lill-bijodiversità ta’ dawn l-inħawi, illum qed isir dejjem aktar important għal kulħadd li jirrelata man-natura u jgawdiha kemm jista’ jkun,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana filwaqt li kompli jgħid, “inħeġġu lill-Maltin biex joħorġu jgawdu l-ambjent naturali b’mod aktar regolari speċjalment tul ir-rebbiegħa, inħeġġu wkoll lill-Gvern biex isib mezzi kif jestendi l-importanza li jagħti lir-riservi naturali anke lil hinn mill-konfini tagħhom sabiex ikun żgurat li l-pubbliku jgħix ħajja aktar b’saħħitha u jgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Fir-Riserva Naturali tal-Għadira ġiet introdotta faċilità ġdida li se tagħti ċans lill-fotografi jieħdu ritratti tal-għasafar li jkunu qed ipassu f’dan iż-żmien.

Il-ħinijiet tar-Riservi Naturali tas-Simar u l-Għadira se jkunu qiegħdin jiġu estendi biex jitgawdew mill-pubbliku.