Internazzjonali

AĠĠORNATA: “Ħadd ma salva” fit-traġedja tal-Ethiopian Airlines

L-ajruplan kien fi triqtu lejn il-Kenja

Meqjusa waħda mill-akbar traġedji fl-aħħar snin – ħadd ma salva wara li ajruplan tal-passiġġieri Boeing 737 tal-linja Ethiopian Airlines iġġarraf kmieni dalgħodu.


It-traġedja seħħet sitt minuti wara t-tluq tal-ajruplan hekk kif  abbord kien hemm mal-150 passiġġier li kienu sejrin mill-belt Etijopjana ta’ Addis Ababa lejn Nairobi.

L-ajruplan Boeing kien l-istess mudell bħal dak li waqa’ fl-Indoneżja f’Ottubru li għadda; it-titjira JT610 tal-Lion Air.

Il-kumpanija qalet li t-titjira ET302 iġġarfet qrib il-villaġġ ta’ Bishoftu, sitt minuti biss wara li ħalliet il-mitjar. Ftit tal-ħin wara imbgħad kien hemm konferma li n-nies kollha fuq l-ajruplan tilfu ħajjithom. Apparti l-passiġġieri, kien hemm 8 membri tal-ekwipaġġ.

Il-persuni abbord kienu ġejjin minn 33 pajjiż differenti – fosthom 18-il Kanadiż, 8 Taljani, 8 Brittaniċi, 7 Franċiżi u 3 Russi.


Filwaqt li din il-linja tal-ajru għandha reputazzjoni tajba ferm fejn tidħol is-sigurta’ – dan il-Boeing huwa relattivament ġdid hekk kif ingħaqad mal-flotta tal-Ethiopian Airlines lura fl-2016.

Intant, fost dawk li esprimew sogħba wara din l-aħbar kerha, kien hemm il-President tal-Kenja.

Preżenti fuq is-sit tat-tiġrif kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru hekk kif esprima s-sogħba kbira għat-telf tal-passiġġieri li l-mewt ħasdithom ħabta w sabta. Huwa saħaq li l-kaptan tal-ajruplan kien informa lit-torri tal-kontroll li kien hemm il-ħtieġa li jdur lura minħabba xi ħsara teknika madanakollu li nżul ma laħaqx twettaq fil-ħin.