“Il-Partit Nazzjonalista xprunat minn entużjażmu kbir, u kovint illi flimkien kapaċi naslu biex negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna”.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta wara nofsinhar żar il-maratona ġbir ta’ fondi li qed tkun organizzata illum fid-Dar Ċentrali tal-PN bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’.
Adrian Delia sostna li dan huwa l-partit li b’leħen wieħed u b’saħħtu qed jitkellem għall-foqra u l-vulnerabbli…u f’isem id-demokrazija f’pajjiżna.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mdawwar b’entużjażmu liema bħala – entużjażmu li kull persuna fi ħdan il-Partit qed jeħduh kull fejn imorru. Il-messaġġ tal-PN, kompla l-Kap tal-Partit, huwa l-messaġġ tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa sostna li dan huwa l-mod ġdid ta’ kif nagħmlu l-politika – politika mhux tal-ftit għal ħafna – imma politika li tisma’ d-diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu.
Adrian Delia appella lill-pubbliku sabiex ma jaqta’ qalbu qatt hekk kif saħaq li fiż-żmien li ġej ser nibdew naraw ir-riżultati l-għaliex huwa jinsab konvint li flimkien ser naslu.
Huwa sostna li fl-Elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju kulħadd għandu joħroġ jivvota. Adrian Delia insista li kien il-Partit Nazzjonalista li ħoloq il-Kunsilli Lokali, li ta leħen lill-poplu l-għaliex kien, għadu u jibqa’ jemmen li n-nies għandhom il-kapaċità li jmexxu l-irħula. Dan bid-differenza tal-Gvern Laburista li jrid imexxi kollox hu u naqqas il-poteri tal-kunsilli.
Adrian Delia spjega wkoll li vot għall-kandidati Nazzjonalisti għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ifisser vot li jistabilizza r-reputazzjoni ta’ Malta barra minn xtutna.
Huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid iwassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama iżda l-unika mod kif jitwassal dan il-messaġġ huwa bl-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi.