Lokali

“Min ma joħroġx jivvota fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej se jkun qed iħalli lill-Gvern Laburista għaddej bil-korruzzjoni”

Għada Adrian Delia se jkun qed imur il-Qorti biex ikompli l-Kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali

“Min ma joħroġx jivvota fl-elezzjonijiet ta Mejju li ġej se jkun qed iħalli lill-Gvern Laburista għaddej bil-korruzzjoni.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.

Adrian Delia qal li għada se jkun qed imur il-Qorti biex ikompli l-Kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.

Huwa qal li Konrad Mizzi kellu struttura ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama bħalma hija Egrant, iżda mhux talli mhux se jirriżenja u jġorr ir-responsabbilità politika imma jrid li jsir il-Kap il-ġdid tal-Partit Laburista. Adrian Delia qal li dan huwa l-mument tal-prova u min ma jiġġilidx il-korruzzjoni u ma joħroġx jivvota fl-elezzjonijiet li ġejjin, se jkun qed iħalli lill-Gvern Laburista jibqa’ għaddej bil-korruzzjoni.

Adrian Delia qal li maż-żmien in-nisa sofrew waqgħat qawwija fl-ugwaljanza, u r-rappreżentanza f’bordijiet u kumpaniji pubbliċi jpoġġuna mal-agħar fl-Ewropa. Rapporti Ewropej juru kif fl-2017, il-gender pay gap żiedet b’5% għal 12.2% u d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, l-pension gender gap kienet ta’ 46%. Huwa qal li n-nisa għandhom ikunu parti integrali tas-soċjetà, billi jitneħħew il-barrieri li qegħdin iżommuhom milli verament ikun hawn l-ugwaljanza. Hawn bżonn aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u għalhekk għandhom jiġu indirizzati d-diffikultajiet li n-nisa qegħdin isibu biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod sħiħ fis-soċjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-nisa flimkien mat-tfal u l-anzjani huma wkoll l-aktar li jinsabu fir-riskju tal-faqar, kif ġie kkonfermat ukoll mir-rapport tal-Fond Monetarju Ewropew. Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, Joseph Muscat kien wiegħed li se jeradika l-faqar iżda llum hawn 40,000 persuna li m’humiex qegħdin ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bl-ispejjeż, u dan meta ninsabu fl-aqwa żmien.

Adrian Delia qal li sfortunatament l-faqar qed jerġa’ jgħolli rasu f’pajjiżna u l-Gvern m’għandux pjan kif verament jiġġieled il-faqar, li qed jiżdied għax il-ġid li qed jinħoloq mhux qed jasal għand kulħadd.