Lokali

Muscat jgħid li “in-nies qed iħossuhom jinqatgħu lura”

Taħt Joseph Muscat in-nisa spiċċaw fost l-agħar fl-Ewropa - PN

Waqt laqgħa politika fil-każin laburista f’Tal-Pieta’, il-Prim Ministru Joseph Muscat illum kellu jammetti li “in-nies qed iħossuhom jinqatgħu lura”.

Il-kummenti ta’ Muscat waslu wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar illi pajjiżna kellu l-agħar żieda fil-paga minima minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li anke rapporti internazzjonali qed jikkonfermaw illi f’Malta għandna bosta familji li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Sadatant, dalgħodu Joseph Muscat qal li l-ugwaljanza f’pajjiżna teżisti fuq il-karta, u nesa konvenjentement jgħid li taħt it-tmexxija tiegħu mhux talli ma sar xejn biex bis-serjetà biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tan-nisa, imma llum ninsabu fost l-agħar fl-Ewropa. Rapporti internazzjonali, wiehed wara l-ieħor, jikkonfermaw dan bil-fatti:

  • Skont it-2018 Report on Equality between Women & Men in the EU, Malta hija qabel tal-aħħar u taqbeż biss lill-Estonja għan-numru ta’ nisa fuq bordijiet (10%).
  • Fl-istess rapport, id-differenza fin-numru ta’ nisa jaħdmu mqabbel man-numru tal-irġiel (gender gap in employment) huwa t-tielet mill-aħħar.
  • Il-Gender Pay Gap Report 2019 tal-Eurostat juri li d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u l-pagi tal-irġiel f’pajjiżna kompliet tiżdied minn 7.7% fl-2011 għal 12.2% fl-2019. Dan ifisser li meta raġel jaqla’ €100 għall-istess xoghol u għall-istess pożizzjoni, mara taqla €87.8 u dan għax sempliċement hija mara u xejn aktar.
  • Rapport ieħor tal-Unjoni Ewropea, Pension and Adequacy Report 2018 jgħid li l-pensjoni tan-nisa hija 44.8% dik tal-irġiel, li jfisser li meta raġel jirċievi pensjoni ta’ €100, mara tirċievi €55.20.
  • Il-World Economic Forum Global Gender Gap Report 2018 juri li morna lura bil‑kbir fl-oqsma essenzjali tal-ugwaljanza. Minn 149 pajjiż, Malta marret lura mill-84 post (fl-2013) għall-91 post (fl-2018).

Huwa inaċċettabbli li wara l-wegħda ta’ Joseph Muscat, li se jkun l-aktar Gvern femminista, r-realtà hija li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ‘l bogħod. In-nisa Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom ħafna u ħafna aħjar.