Meta kienet qed titkellem dwar il-liġi li tipproteġi l-minuri, d-Deputata Nazzjonalista l-Avukat Therese Comodini Cachia qalet li l-kultura qegħda timmatura fil-konfront tat-tfal iżda xorta għad għandna nuqqasijiet bħala soċjeta fuq kif inħarsu lejn it-tfal
Hija qalet li l-aħjar interess tagħhom ifisser li huma ma jkunux proprjeta suġġetta ghall-ordnijiet u decizjonijiet li jsiru minn oħrajn ad esklużjoni tagħhom u tal-interessi tagħhom. L-Aħjar interess tat-tfal ifisser li hekk mat-twelid tagħhom narawhom bħala persuna sħiħa bil-potenzjal tagħhom, kull tifel u tifla bħala persuna fiha nnfisha.
Għalhekk huwa mportanti li t-tfal jiġu nklużi f’kull aspett tal-ħajja li jolqothom bil-mod addattat għalihom u mhux imwarbin minn kull diskussjoni jew deċizjoni iżda mbagħad iridu jgorru dik id-deċizjoni huma.
Qalet li r-rwol ta’ kull persuna f’kuntatt mat-tfal huwa li jassigura li dik it-tifla jew tifel bħala persuna jkunu rispettati b’tali mod li jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex huma jkunu jistgħu jikbru fit-talenti u fl-aspirazzjonijiet tagħhom stess.
Sfortunatament huwa ftit ħafna li qiegħed isir fis-soċjeta tagħna li tagħti vuċi lit-tfal, li tinkludihom f’diskussjoni jew konsultazzjoni, li verament tarhom bħala grupp tas-soċjeta li għandhom id-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv f’dak li qiegħed jiġri jew li qiegħed jiġi ppjanat fis-soċjeta
Għalihom is-soċjeta mhix biss il-ġenituri tagħhom, il-familja tagħhom, iżda tinkludi ukoll l-iskola u l-pajjiż.
Jekk m’aħniex se nagħtu dik il-partecipazzjoni attiva soċjali lit-tfal tagħna allura aktarx se jsiru adulti ċittadini mhux ta’ Malta, wisq anqas tal-Ewropa u tad-dinja, iżda se jibqgħu biss ċittadini tan-nukleju tal-familja tagħhom biss; nukleju żgħir ferm meta tqis il-ħajja moderna u in-nisġa tal-okkorrenzi f’diversi partijiet tad-dinja hekk kif dak li jiġri f’pajjiż iehor jeffettwa ukoll per eżempju lill-ambjent li jgawdu t-tfal Maltin.
Hija qalet li l-obbligu primarju tal-Istat huwa biex jagixxi fl-ahjar interess tat-tfal – la l-kura primarja hija obbligu tal-ġenituri, l-obbligu primarju tal-Istat huwa li jgħin u jassisti lil familja qabel ma naslu f’sitwazzjoni tant hażina li t-tfal iridu jittieħdu minn dik il-familja u jitqegħdu taħt kura alternattiva
Qabel u anke Matul il-kura alternattiva hemm bżonn strutturi b’saħħithom li jgħinu lill-familji u lit-tfal fejn
irridu nsaħħu l-istrutturi li jgħinu lil dawn il-familji. Nagħmruhom b’riżorsi meħtiega inkluż professjonisti mħarġa sabiex jgħinu lil dawn il-familji jindirizzaw id-diffikultajiet tagħhom u jagħqdu l-aħjar interess tat-tfal.
L-Avukat Comodini Cachia tkellmet ukoll dwar il-faqar, problema li fit-tfal qed tirrifletti l-problemi tal-ġenituri. F’Malta hawn kważi kwart minnhom b’rata ta’ 22.8%.. Meta inti għandek tfal li minħabba ċirkostanzi li xi kultant jinkludi mard fil-familja, diżgwid u tilwim fil-familja, jew saħansitra nuqqas ta’ “skills” li jwasslu għal nuqqas ta’ opportunitajiet, allura dawn huma sitwazzjonijiet fejn tara tfal jgħixu f’kundizzjonijiet miżerabbli. Fejn lanqas nitkellmu fuq li tifel jew tifla ma għandiex ktieb x’taqra d-dar, iżda ma għandiex ikel biżżejjed x’tiekol, jew ħwejjeġ tajbin għaliha, fejn tfal jistħu juru fejn joqgħdu. Huwa għalhekk li qabel ma naslu ghal Ħarsien Alternattiv irridu nitkellmu fuq l-istrutturi li jagħtu appoġġ, sostenn u “empowerment” lil dawn il-ġenituri.
Il-kelliema irringrazzjat lil ħafna mexxejja u persuni reliġjużi li l-vokazzjoni tagħhom waslithom sabiex imexxu u jilqaw lil tfal lil għandhom bżonn ta’ ħarsien alternattiv. Ħafna minnhom jagħmlu dan b’sagrifiċċji kbar, b’nuqqas ta’riżorsi u b’diffikulta. Soċjeta għandha tkun grata lilhom għal din il-ħidma.
L-Addozzjoni ta’ Minuri minghajr il-kunsens tal-genituri
L-Avukat Therese Comodini Cachia qalet li tistqarr li jinkwetaha dan il-kunċett għaliex fih innifsu jaħsad il-kuntatt bejn it-tifel jew tifla minn familtu naturali u dik il-ħasda hija wahda permanenti.Tenniet li hemm pero sitwazzjonijiet fejn tant is-sitwazzjoni tkun prekarja, tant ikun kbir il-ħtieġa ta’ dak il-minuri li forsi jiġġustifika l-addozzjoni mingħajr il-kunsens tal-ġenituri
“Forsi ma togħġobnix dan it-tkissir tar-rabta mal-familja naturali għaliex tista’ sseħħ f’mument fejn il-ġenituri naturali verament ma jkunux f’qagħda li jagħtu ħarsien lil dak it-tifel jew tifla. Iżda dak li dejjem jibqa’jberren huwa jekk dawk il-ġenituri jiġu f’qagħda li jagħtu dak il-ħarsien mat-trapass taż-żmien, x’se tkun ir-relazzjoni tagħhom ma dak it-tifel jew tifla?”, qalet il-kelliema….
Qalet li dan l-Abbozz jitkellem fuq ħarsien u protezzjoni bħala dak li huwa raġonevolment mistenni mingħand ġenitur lejn il-minuri tiegħu bil-għan li jippromwovi l-potenzjal sħiħ tiegħu filwaqt li jitqiesu l-ħiliet, ix-xeħtiet naturali u aspirazzjonijiet tal-minuri
Qalet dwar kemm huwa mportanti li naraw ix-xeħtiet, ħiliet u aspirazzjonijiet tal-minuri u mhux nimponu fuqhom dak li naħsbu aħna jew dak li rridu aħna għalihom. – Xi kultant l-aspirazzjonijiet li ma lħaqqnix aħna nixħtuhom jew nippretenduhom mit-tfal tagħna.
Diffiċli nifhmu li t-tfal tagħna ma humiex neċessarjament “clones” tagħna. Kull tifel u tifla hija persuna sħiħa fiha nnifsha. Sew jekk għandha bżonn Harsien Alternattiv jew le, il-ġenituri, il-familja, is-soċjeta u l-Istat għandu obbligi u responsabbilitajiet fil-konfront ta’dak it-tifel u tifla. U dawn ir-responsabbilitajiet u obbligi rridu nwettquhom mhux fl-aħjar interess tagħna, iżda fl-aħjar interess ta’ dak it-tifel jew tifla partikolari.
//= $special ?>