Ħafna qed juru t-tħassib tagħhom fuq kif mogħdijiet u toroq fil-kampanja qed jingħataw il-konkrit. Tant illi bosta persuni fuq il-midja soċjali qed jghidu li ċertu toroq bħal Wied l-Isqof u anki Wied is-Sewda spiccaw qishom by-pass.
Ħaddiema tal-Gvern u ta’ Infrastructure Malta ntlemħu fl-aħħar jiem jitfgħu l-konkos f’dawn it-trejqiet, b’danni u ħsara għal flora u l-fawna fit-truf tal-passaġġi.
Ix-xogħol mill-gvern sar mingħajr lanqas biss ħareg permess ghax-xoghol, kif konfermat minn stqarrija tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Dan infatti irriżulta f'”qerda ambjentali”.
Alfred Baladacchino, ambjentalista li serva u għadu jservi f’numru ta’ NGO’s qal li l-Ministru Ian Borg kien jaf li dan ix-xogħol qiegħed isir għax wara kollox sar fil-konstitwenza tiegħu.
Baldacchino kompla li huwa tajjeb li l-bdiewa ngħataw l-għajnuna… iżda x’għajnuna hi li sar twessiegħ tal-passaġġi qalb l-għelieqi b’riżultat li tmissu l-ħitan tas-sejjieħ u nqerdet il-biodiversità taz-zona?
Hu qal li żgur mhux forsi mhux sew li l-ħitan tas-sejjieħ ġew qishom mhumx xejn, b’effett ħażin fuq il-bdiewa.
Fid-dawl ta’ dan huwa elenka wkoll numru ta’ direttivi Ewropej li jobbligaw lil dawk responsabbli b’numru ta’ regoli biex l-ilma ma jinħelliex fil-widien tagħna.
Baldacchino qal li żgur mhux forsi li l-EU Water Framework Directive ma taċċettax li jsir xogħol hekk fejn l-ilma tal-wied jgħaddi biss minn kanal żgħir.
Dwar dan Jason Azzopardi l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent sostna li qed jagħmel pressjoni lill-President tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar biex dan ix-xogħol li qiegħed isir jkun fl-aġenda tal-kumitat. Huwa tenna li dan ix-xogħol qed jeqred l-ambjent u qed jagħmel numru ta’ ħsarat fuq il-ħitan tas-sejjieħ.
Ambjentalisti oħra li tkellmu magħna qalu li dan il-konkos qed jeqred ukoll il-biodiversità tal-inħawi, fejn anki l-passaġġi fejn issoltu jgħaddi l-ilma, ġew imblukkati bil-konkrit.
//= $special ?>