Lokali

B’aktar investiment fir-riċerka nsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Professur Godfrey Grech u lit-tim ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta tal-avvanz xjentifiku li għamlu biex jiżviluppaw test tal-iscreening tal-kanċer li hu anqas invażiv u aktar sensittiv minn metodi preżenti u li jwassal ukoll għal dijanjożi aktar bikrija.

Francis Zammit Dimech li hu membru tal-grupp ta’ ħidma kontra l-kanċer fil-Parlament Ewropew qal li dan ir-riżultat juri kemm huwa importanti jsir investiment akbar fir-riċerka. Dan għaliex l-investiment fir-riċerka huwa ċ-ċavetta sabiex insibu kura għall-kancer, u biex intejbu s-servizzi tas-saħħa f’dan il-qasam.

Skond statistika tal-Eurostat, Malta tinsab it-tielet mill-aħħar fl-Ewropa fl-investiment fir-riċerka. Għalhekk li l-Gvern irid jimpenja aktar ruħu f’dan il-qasam. Din hija wkoll proposta mill-proposti konkreti li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-kanċer. Il-PN qed jinsisti wkoll li fuq livell Ewropew isir investiment akbar fir-ricerka tal-kanċer li jolqot lit-tfal, li hu rari u li fuqu hemm bżonn aktar studju.

Fl-aħħar xhur il-PN għamel bosta laqgħat ta’ konsultazzjoni kemm mal-professjonisti u l-għaqdiet. Saru żjarat ukoll fil-Breast Clinic u fil-laboratorji tar-riċerkaturi fl-Università ta’ Malta. Il-PN diġà ppreżenta proposti konkreti għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kanċer u fil-jiem li ġejjin se jkun qed iniedi dokument bil-proposti kollha.