Bankier privat fl-Italja nkixef mill-Pulizija bħala l-persuna li qarraq b’għexieren ta’ investituri privati bil-konsegwenza li seraqhom madwar €8 miljun u nofs.
Sfortunatament anke f’dan il-każ tissemma’ Malta, hekk kif l-investigazzjonijiet urew li ttrasferixxa parti mill-flus fil-Brażil, l-Iżvizzera kif ukoll f’pajjiżna.
Jirriżulta li r-raġel ħarab lejn il-Brażil hekk kif induna li kien fiċ-ċentru tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Mill-flus misruqa, il-Pulizija rnexxielha tirkupra madwar sitt miljun ewro.
Jidher li r-raġel kien juża l-flus mgħoddija lilu mill-persuni li fdawh biex ikun jista’ jixtri arloġġi lussużi, kemm ġodda kif ukoll użati, flus antiki u ta’ valur u saħansitra vetturi rari. Il-kumplament tal-flus kien jgħaddihom lil kumpaniji Taljani u barranin, inkluż f’Malta.
Hu kien jagħmel dan bi skop ta’ ħasil ta’ flus, biex b’hekk tintilef it-traċċa ta’ minn fejn ġew dawn il-flus. Jidher li l-Pulizija Taljana rnexxielha tiskopri l-kumpaniji li kienu qed jintużaw anke f’pajjiżna.
Mill-Italja biss, il-Pulizija ssekwestrat 12-il residenza, 21 art u tmien vetturi. Dan apparti 46 arloġġ lussuż, kollezzjoni ta’ flus tad-deheb, vetturi u muturi lussiżi kif ukoll dawk tat-tip SUV. Il-maġġoranza tal-vetturi rreġistrahom b’mod fittizju taħt isem kumpaniji fil-Ġermanja u l-Lussemburgu.
//= $special ?>