Ħafna għadhom jistaqsu kif ma ssemma’ xejn aktar dwar l-erba’ persuni li ġew arrestati l-ġimgħa li għaddiet wara raid kbir mill-Pulizija fil-Blata l-Bajda.
Kien il-Ħamis filgħaxija meta tliet irġiel u mara, li lkoll huma Maltin, ġew arrestati mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’residenza privata li allegatament kienet qed tintuża għat-traffikar tad-droga.
Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw lil Net News illi fil-fatt kienet l-istruttura stess ta’ din ir-residenza li żammet lill-Pulizija għal 20 minuta sħaħ milli jidħlu fuq ġewwa. Dan għaliex ħafna kmamar kienu imbarrati bil-ġebel u bibien tal-ħadid.
Jidher illi sakemm saru l-arresti, is-suspettati laħqu qerdu d-droga kollha fl-aċtu sabiex ma jħallu l-ebda traċċi jew provi li jistgħu jinkriminawhom. Tant hu hekk, li l-Pulizija ma setgħetx tipproċedi fil-konfront tagħhom.
Id-dinamika ta’ kif seħħew l-affarijiet kienet konfermata lilna minn sors ieħor separat, illi spjegalna kif ftit tal-ġimgħat ilu dawn il-persuni li kienet qed jagħmlu użu minn dan il-post fil-Blata l-Bajda ġabu trakk ġebel li ddaħħal kollu ġewwa. Illum nafu li dan il-ġebel intuża preċiżament biex jiġu mbarrati l-kmamar, u biex tagħmilha kważi diffiċli tasal sa ġewwa nett tal-post jekk ma twaqqax il-ħitan.
Bħalissa għaddejja inkjesta immexxija mill-Maġistrat Monica Vella.
//= $special ?>