Wara s-somma rekord li nġabret fil-maratona ġbir ta’ fondi ta’ nhar il-Ħadd, is-Segretarju Ġeneral tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli wiegħed li dawn il-flus se jkunu qed jiġu użati bl-aqwa mod. Hu wassal dan il-messaġġ filwaqt li irringrazzja lill-Maltin u l-Ghawdxin għall-appoġġ li urew lill-PN fil-maratona li kellha t-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’.
Clyde Puli żied jgħid li “bħalissa għaddejjin fi strateġija finanzjarja fejn qed nikkummerċjalizzaw anke l-każini tagħna biex nużaw l-assi tagħna aħjar biex il-flus li jkolna nużawhom bl-aħjar mod possibli, finalment fuq il-call activity li hija l-politika nfisha.”
Clyde Puli saħaq li flimkien mal-kumplament tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem għan-nies u man-nies. Is-Segretarju Ġenerali kompla jgħid li “jien nassigurahom lil dawn in-nies illi aħna dik il-fiduċja tagħhom se nirriċiprikawha billi naħdmu iktar, nistinkaw iktar, naħdmu bil-għaqal iktar.”
Hu rringrazzja b’mod speċjali lil ħaddiema u voluntiera li mhux biss matul il-maratona tal-Ħadd, iżda wkoll tul is-sena kollha jahdmu b’lealtà sħiħa u bla waqfien.
Fil-fatt, Clyde Puli kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista għaddej b’ħidma ma taqta’ xejn bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsilli Lokali. “Il-poplu wkoll għandu jagħżel l-aqwa rapreżentati tiegħu,” sostna Clyde Puli, “u aħna qed ngħatu għażla tajba immens – nies ta esperjenza, nies li jridu jgħatu s-servizz tagħhom.”
“Jien irrid nappella lil partitarji kollha tagħna, lil dawk kollha li qed idejjaqhom kif qed jaħdem dan il-Gvern,” qal Clyde Puli f’messaġġ ċar, “Jekk hux ħabba l-mudell ekonomiku, kirjiet għolji, l-għoli tal-ħajja li qed tkompli tgħola, pensjonijiet baxxi, korruzzjoni, jew nuqqas t’investiment fl-edukazzjoni – dawk in-nies kollha flimkien li jridu dawn is-setturi kollha aħjar milli huma llum, nappellalhom li joħorġu jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, partit li jista’ jagħmel differenza.”
//= $special ?>