Ħaddiema li qed jinġiebu Malta minn barra l-UE qed iħallu impatt negattiv fuq il-pagi tal-Maltin. Dan hu piż enormi li qed jimbotta l-pagi ‘l isfel.
Hekk qed issotni l-UHM Voice of the Workers f’reazzjoni uffiċjali li ħarġet għall-istudju tal-Eurofound dwar il-paga minima fil-pajjiżi Ewropej.
Fi stqarrija, il-UHM tefgħet dawl fuq il-fatt li qed tikber id-diskrepanza fid-dħul tal-ħaddiema f’Malta. Għalhekk, il-union qed tipproponi li fi żmien sena titwaqqaf Kummissjoni li toħroġ bi proposti dwar minimum wage riveduta.
Il-UHM Voice of the Workers qed tgħid li f’pajjiżna hawn ħafna li qed jitħaddmu b’anqas mill-paga minima, ħafna minnhom barranin. U dan qed jitfa pressjoni kbira fuq il-pagi tal-Maltin.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia kemm-il darba tkellem dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol f’Malta u kif diversi familji Maltin mhux ilaħħqu bl-ispejjes dejjem jiżdiedu. U din ir-realtà tal-pagi żgur illi ma tgħinx.
Fil-fatt kien Adrian Delia illi kixef kif il-Gvern qed ikabbar l-ekonomija billi jġib ħaddiema barranin lejn Malta. Iżda issa hu evidenti li din l-istrateġija ta’ Muscat qed ikollha riperkussjonijiet.
Tant hu hekk li l-UHM qed tipproponi fost l-oħrajn li l-influss ta’ barranin jibda jiġi limitat u mhux kif qed jagħmel il-Gvern bl-istrateġija tiegħu preżenti. Il-union trid li l-limitu ikun sabiex jidħlu biss ħaddiema bi kwalifiċi u kompetenzi tekniċi.
Stqarrija tal-PN maħruġa mid-deputat Karl Gouder
Il-Gvern għandu jieħu nota ta’ dak li qed tgħidlu l-UĦM, li tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan qed iwassal għaċ-cheap labour. Diversi entitajiet u ħassieba oħra fosthom il-konsulent tal-Gvern Yana Mintoff u Sammy Meilaq kienu diġà kkritikaw dan il-mudell ekonomiku li huwa bbazzat fuq cheap labour, li qed ikabbar il-faqar u joħloq problemi fis-settur tal-housing.
Rapporti Ewropej bl-aktar wieħed riċenti tal-Eurofound ikkonfermaw kif Malta rreġistrat l-inqas żieda fil-paga minima fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u ċ-cheap labour qed iwassal biex aktar persuni jispiċċaw fil-faqar. Dan meta l-istatistika tal-NSO turi kif hawn 40,000 persuna li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar minħabba l-ispejjeż. Il-Gvern għandu r-responsabbilità li jara li l-ħaddiema barranin li qed iġib kull sena jingħataw kundizzjonijiet tajba u li jkun hemm ħlas indaqs għal xogħol ugwali u mhux jispiċċaw fil-prekarjat jew saħansitra sfruttati.
Gvernijiet Nazzjonalisti kienu jattiraw lejn pajjiżna setturi ekonomiċi ġodda u innovattivi bħall-gaming, is-servizzi finanzjarji, farmaċewtika u l-avjazzjoni. Setturi li għadna qegħdin ingawdu l-frott tagħhom sal-lum il-ġurnata, u fejn il-ħaddiema barranin kienu jġibu magħhom esperjenza u ħiliet ġodda, filwaqt li jħarrġu u jgħollu l-livell tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin iżda minflok għall-Gvern Laburista, l-ħaddiema barranin huma biss numri.
//= $special ?>