Meta kienet qed titkellem fuq is-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-Commonwealth, id-Deputat Nazzjonalista u d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li bħalma jsir kull tieni Tnejn ta’ Marzu, it-53 pajjiż mill-ħames kontinenti jiċċelebraw Jum il-Commonwealth; u dan qed nagħmluh ukoll hawn fil-Parlament Malti. Kull sena, Jum il-Commonwealth jiġi mfakkar b’tema kurrenti sabiex il-popli madwar il-Commonwealth isibuha iktar faċli li jirrelataw mal-ħajja li jgħixu. B’hekk, din is-sena, it-tema ppreżentata hija “Commonwealth Konnessa” (A Connected Commonwealth).
Id-dinja ċkienet. Dan narawh biċ-ċar kuljum, malli nħarsu lejn il-mobile phones tagħna. F’temp ta’ ftit sekondi, għandna l-faċilità li nagħmlu kuntatt mal-familjari, ħbieb u kollegi tagħna li jistgħu jkunu fil-kamra ta’ ħdejna, jew in-naħa l-oħra tad-dinja: nikkomunikaw magħhom b’modi differenti.
Sa mill-bidu tagħha l-Commonwealth kienet għaqda li taħdem sabiex tippromwovi l-prinċipji tad-demokrazija, libertajiet fundamentali, drittijiet tal-bniedem, żvilupp ekonomiku u governanza tajba fil-pajjiżi tagħha, filwaqt li tgħaqqad kulturi differenti li jirriflettu d-diversità tal-Commonwealth. Din l-għaqda li tirrappreżenta l-akbar firxa ġeografika ta’ kulturi u reliġjonijiet, narawha fid-diversi livelli: ta’ popli, gvernijiet u istituzzjonijiet.
Hija qalet li aħna f’din il-Kamra, b’mod speċjali dawk minna li jattendu b’mod regolari il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth, jistgħu jifhmu aħjar dak li qed ngħid, għax niltaqgħu ma’ individwi li meta nitkellmu magħhom u naqsmu l-esperjenzi tagħna, insibu li minkejja li ġejjin minn kulturi u esperjenzi differenti, min-naħa l-oħra nsibu li hemm aktar affarijiet komuni u li jgħaqqduna, u hu proprju dan li jagħmel lil Commonwealth familja magħquda u tant ħajja u relevanti.
L-2019 tfakkar is-70 anniversarju tal-formazzjoni tal-Commonwealth kif nafuha llum, b’rabtiet qodma, kif ukoll ġodda, li jippermettu u jiffaċilitaw koperazzjoni li twassal għal żvilupp soċjali, politiku u ekonomiku li hu inklussiv u sostenibbli.
Il-valuri u l-prinċipji li huma mibnija madwar it-53 pajjiż membru u t-2.4 biljun ċittadin li huma konnessi u miġburin flimkien bis-saħħa tal-Commonwealth Charter li jiġbor flimkien il-valuri u l-aspirazzjonijiet li jgħaqqdu lill-Commonwealth – id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt – f’dokument wieħed, aċċessibbli. Il-Commonwealth Charter jesprimi l-impenn tal-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ soċjetajiet ħielsa u demokratiċi u l-promozzjoni tal-paċi u l-prosperità biex itejjeb il-ħajja tal-popli kollha tal-Commonwealth.
It-tema magħżula għal din is-sena ‘A Connected Commonwealth’ mhux biss titfa’ fuq quddiem l-użu tajjeb tat-teknoloġija, iżda tinkoraġġixxi wkoll kollaborazzjoni sabiex tipproteġi r-riżorsi naturali u l-ambjent. F’dan il-kuntest ta’ min isemmi l-Commonwealth Blue Charter, dokument miftiehem mit-53 pajjiż tal-Commonwealth fl-2018 li jippromwovi koperazzjoni attiva bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-problemi relatati mal-oċeani u li jintlaħqu l-impenji għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani.
Il-Commonwealth Blue Charter jiżgura li l-Commonwealth tieħu approċċ ġust, ekwitabbli, inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp u l-protezzjoni ekonomika tal-oċeani. Barra minn hekk il-Connectivity Agenda for Trade and Investment tippromwovi aktar koperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment sabiex iwassal għal ekonomija inklussiva li tippermetti lin-nies, partikolarment in-nisa, iż-żgħażagħ u l-komunitajiet marġinalizzati li jgawdu mill-frott tal-progress u l-prosperità li toffri l-Commonwealth.
Buttigieg qalet li ta’ min infakkar illi Jum il-Commonwealth jiskatta sena sħiħa ta’ attivitajiet fosthom laqgħat, dibattiti, attivitajiet fl-iskejjel, u attivitajiet kulturali fost oħrajn ibbażati fuq it-tema magħżula, f’dan il-każ ‘A Connected Commonwealth’. Dawn isiru sabiex jippromwovu prattiċi tajba fost iċ-ċittadini, kif ukoll jiċċelebraw il-Commonwealth b’mod ġenerali.
Ġewwa Londra, fejn jinsabu s-Segretarjat u l-Kwartieri Ġenerali tal-Commonwealth, bħal-lum issir ċerimonja multikulturali u ta’ twemmin differenti ġewwa Westminster Abbey fejn jingħaqdu rappreżentanti minn madwar il-Commonwealth kollu, fil-maġġor parti tagħhom żgħażagħ, li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bħala ċittadini tal-Commonwealth, esibizzjonijiet ta’ tradizzjonijiet fid-diversi pajjiżi, u attivitajiet kulturali marbuta mat-tema.
Tajjeb ngħid li anke din is-sena, fost iż-żgħażagħ hemm żewġ tfajliet Maltin li qegħdin jieħdu sehem fl-attivitajiet organizzati bħala parti minn dan il-programm, kif ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia, li ġie mistieden bħala President tal-Fergħat iż-Żgħar tas-CPA sabiex jindirizza grupp ta’ żgħażagħ minn madwar il-Commonwealth f’attività separata organizzata mis-CPA. Flimkien mal-President u s-Segretarju Ġenerali tas-CPA, huma ser jitkellmu dwar l-istorja u l-ħidma tas-CPA.
Barra minn hekk, fid-diskors tiegħu, Anġlu Farrugia se jagħmel enfasi fuq l-impatt tat-tibdil fil-klima, anke għaliex fil-ħidma tiegħu fi ħdan il-Fergħat iż-Żgħar għandu fuq l-aġenda, fost oħrajn, it-tibdil fil-klima fl-izgħar pajjiżi tal-Commonwealth, ċjoè dawk li għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn nofs miljun.
Il-ġeografija ta’ dawn il-pajjiżi hija tali li twassalhom li jiġu milquta b’mod disproporzjonat minn fenomeni tat-temp, u spiss jilmentaw illi huma vittmi tas-‘suċċess’ tal-pajjiżi ta’ madwarhom li huma iktar żviluppati minnhom. Qabel ma għalqet Buttigieg poġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra messaġġ għall-Jum il-Commonwealth tal-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II bħala Kap tal-Commonwealth.
//= $special ?>