Lokali

“Is-sigurtà fl-iskejjel trid tittieħed bis-serjetà immedjatament” – il-Partit Nazzjonalista

L-awditjar tas-sigurtà fl-iskejjel jikkonferma li l-Gvern għadu ma ħax bis-serjetà s-sigurtà tal-istudenti u tal-għalliema fl-iskejjel tagħna. Jikkonferma wkoll dak li ilha tgħid l-MUT, li xhur ilu wissiet li 87% tal-edukaturi esperjenzaw xi forma ta’ aggressjoni u l-Gvern kien għadu ma ħa l-ebda forma ta azzjoni.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Clyde Puli jingħad li fiid-dawl tal-agressjonijiet li kienu żvelati fix-xhur li għaddew huwa tat-tħassib kif għad hawn kulleġġi madwar Malta li fil-preżent għad m’għandhomx imqar sistemi ta’ sigurtà u nofshom lanqas biss għandhom Prefect of Discipline.

L-Oppożizzjoni qed tesiġi li l-Gvern jimpenja ruħu bis-serjetà fil-kwistjoni tas-sigurtà fl-iskejjel b’risq l-għalliema, l-edukaturi u l-istudenti. In-nuqqas ta’ impenn tal-Gvern fis-sigurtà flimkien ma’ nuqqasijiet oħra ta’ governanza qed jissarraf f’demotivazzjoni fost l-għalliema u l-edukaturi, fejn is-sena li għaddiet kienet l-iktar sena li fiha rriżenjaw għalliema fl-aħħar 10 snin.