Lokali

RITRATT: Persuna rieqda barra fil-Floriana

"Fil-Floriana saret qisha n-norma, bl-awtoritajiet ma jagħtuniex widen"

Bit-temp kiesaħ matul il-lejl, persuni xorta waħda qed jibqgħu jidhru jorqdu barra. Dan is-sit irċieva ritratt ta’ persuna rieqda barra fi Ġnien il-Mall fil-Floriana. Residenti li tkellmu magħna qalulna li din qisha saret norma fil-Floriana, fejn mhux l-ewwel darba li nies dehru reqdin fit-toroq, fil-ġonna u anki fis-subways.

Il-persuni li tkellmu magħna qalulna li fil-Floriana kien il-PN biss li tkellem dwar din il-problema reali li l-lokalità Furjaniża qed tkun affrontata.

F’Malta l-problema ta’ nies li jgħixu fil-faqar tant kibret li minkejja li f’kummenti li kienu tawna l-YMCA, hi biss tista’ toffri saqaf għal 30 persuna. Ta’ kuljum qed ikollhom ukoll ħames talbiet oħra li jispiccaw jirrifjutaw. Dan apparti li joffru servizzi ta’ ikel, ħwejjeġ u terapija lil persuni fil-bżonn u li ma jaffordjawhomx.

L-isfida tant kibret u l-prezz tal-kirjiet tant żdied li l-YMCA kellha testendi l-perjodu li wieħed jgħix għandha għal tmintax-il xahar. Minkejja li dawn il-familji ġew megħjuna biex ifaddlu xi ħaġa, xorta m’għandhomx biżżejjed.

F’mistoqsija fil-Parlament ħareġ li 60 garaxx inbidlu f’residenzi, bil-poplu Malti mhux jaffordja li jgħix għajr biss li jikri garaxx biex ikollu saqaf f’rasu. Ma nistgħux ma nagħmlux referenza għan-numru li ħarġu bosta esperti li llum il-ġurnata 300 persuna qed jgħixu fil-karozzi.

Fis-snin li ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet għall-housing soċjali. Fl-aħħar snin ma sar l-ebda żvilupp fuq binjiet tal-housing soċjali. Dan ir-riżultat jirifletti ftit mill-ħafna problemi li hemm f’dan is-settur u li mhux qed jiġu indirizzati mill-Gvern.

Minn naħa l-oħra kif qal ħafna drabi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti garanzija li meta jerġa’ jkun fil-Gvern kulħadd se jkollu saqaf rasu. Il-benesseri tan-nies u tas-soċjetà huma għal qalb il-Partit Nazzjonalista u għalhekk mill-Oppożizzjoni, qed iressaq proposti konkreti għal setturi li jinsabu f’diffikultà bil-mudell ekonomiku ta’ Gvern Laburista, fosthom għall-Kunsilli Loklai, s-sostenibbilità tal-bdiewa u r-raħħala, l-qbiela, work-life balance, għall-iskart tal-kostruzzjoni, l-kanċer, l-ambjent u Għawdex.