Lokali Unjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista qed juri bil-fatti li huwa l-partit tal-ideat

Huwa tajjeb li l-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ l-proposta tagħna li nadattaw it-tariffi tal-elettriku għall-propjetarji ta’ karozzi jaħdmu bl-elettriku.

Iddikjara dan fi stqarrija l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius fejn jiddikjara li l-Partit Nazzjonalista qed juri bil-fatti li huwa l-partit tal-ideat, il-partit tal-ġejjieni. Aħna rrakkomandajna adattament tat-tariffi ġia f’Jannar, xahrejn qabel it-tħabbira tal-Gvern.

Nistieden lill-Gvern jiftaħ widnejħ ukoll għall-proposti l-oħra li għamilt f’artiklu ppubblikat fit-12 ta’ Jannar fejn tlabna li l-Gvern jipprovdi pjattaforma teknoloġikament newtrali għall-innovazzjonijiet il-ġodda fit-trasport.

Fil-ġejjieni jista’ jkollna 5 jew 6 modi differenti ta’ trasport jaħdmu b’enerġiji differenti fosthom l-idroġenu, l-enerġija solari diretta u indiretta u l-elettriku. Pajjiżna jista’ jsir laboratorju tal-lokomozzjoni, u għaldaqstant jeħtieġ li nkunu miftuħin għal kull teknoloġija ġdida u mhux nitfgħu l-emfasi kollu tagħna fuq teknoloġija waħda bl-esklużjoni tal-oħrajn.

Ninsisti li biex inwessgħu l-benefiċċji lill-konsumatur mit-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġ naħdmu wkoll fuq livell Ewropew fejn il-baġit Ewropew li ġej ser ikollu fond apposta għall-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni biex anke Malta tagħmel il-qabża ta’ kwalita fir-revoluzzjoni diġitali li għaddeja bħalissa.