Lokali

Tislima lil William Cauchi

Informazzjoni miġbura minn Christine Mamo u Ray Miceli

Preżentatur tar-radju, William Cauchi jibqa’ jgħati l-kontribut tiegħu fuq ix-xandir sal-aħħar nifs. Hu miet fl-età ta’ 63 sena. Cauchi kien preżentatur tar-radju NET FM (dak iż-żmien kien għadu Radio 101) għal 14-il sena.

Cauchi beda fix-xandir minn età żgħira, propju ta’ 16-il sena. Għal 48 sena, William Cauchi kellu programmi differenti fuq diversi radji Maltin, filwaqt li l-ewwel programm li kellu waħdu kien ‘Profili’ li kien isir fuq Radio 101 u jmur lura għal Ottubru 2001.

Kien Noel Mallia, dak iż-żmien responsabbli mit-tmexxija tal-istazzjon li għaraf il-potenzjal kbir ta’ William u daħħlu bħala parti mit-tim ta’ preżentaturi. L-interess ta’ William fil-mużika jmur lura s-snin sa minn meta kien għad għandu 16-il sena.

Wara Radio 101 kien mar bħala preżentatur fuq Radju Malta. Kellu karattru dħuli għall-aħħar u kien iħobb jitkellem ma’ kulħadd bis-suġġett tista’ tgħid li dejjem jaqa’ fuq il-mużika.

Twieled fis-26 ta’ Ġunju 1955, bħala professjoni kien accountant u jaħdem mad-ditta Deloitte. Madankollu s-sena li għaddiet irtira bl-età.