Lokali

Tkompli l-kritika minn diversi bnadi għal żvilupp bla ppjanar f’pajjiżna

Minkejja kritika dwar l-iżvilupp bla ppjanar minn diversi setturi tas-soċjetà, mill-Oppożizzjoni mmexxija minn Adrian Delia, mill-għaqdiet ambjentali u saħansitra anke mill-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi stess…. fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jinsisti li m’għandniex nippjanaw għall-futur.

“Jien assolutament ma naqbilx mat-tip ta’ ppjanar li jipprova jbassar illum, dak li se jkunu l-ħsibijiet ta’ ulied uliedi 25 sena oħra,” kien iddikjara Muscat

Dwar dan jikkummenta l-editorjal tat-Times of Malta, bit-titlu: “Proġetti l-ewwel, l-ippjanar iktar tard … forsi,” fejn l-editur jgħid li ladarba anke l-Prim Ministru jirraġuna b’dan il-mod, u bl-Awtorità tal-Ippjanar li jidher li qatgħet qalbha mill-ippjanar… mhux ta’ b’xejn li pajjiżna jinsab f’din is-sitwazzjoni.

L-editur jiddikjara li pajjiżna qed jaffaċċja sitwazzjoni assurda fejn il-proġetti jiġu l-ewwel, u l-ippjanar wara… jekk isir. Isaqsi wkoll meta dan il-pajjiż se jqum u jifhem l-urġenza u l-bżonn li jara fejn irid imur f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar u l-iżvilupp.

L-editorjal tat-Times jirreferi għad-dikjarazzjoni tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti illi qal li pajjiżna matul is-snin falla fl-ippjanar. Wissa’ li pajjiżna, jekk ma titteħidx azzjoni, qed jirriskja li jsir kollu qisu Buġibba u l-Qawra.

Fl-aħħar jiem, anke Vince Attard, il-President ta’ Nature Trust Malta, tkellem dwar il-bżonn ta’ pjan biex nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.

“Wasal iż-żmien li nagħmlu long term strategies. Sfortunatament hawn Malta l-istrateġiji jsiru abbażi jew ta’ ħames snin jew ta’ crisis management,” stqarr Attard.

U f’kummenti lit-Times of Malta, anke wieħed mill-iktar periti rinomati f’Malta, Richard England, iddikjara li jaf lil Malta bħala verġni …imma llum tfakkru iktar bħallikieku prostituta. Jgħid li hu diżappuntat li pajjiżu, il-pajjiż li jħobb u li ispirah, qed jitlef l-ispirtu tiegħu.