Internazzjonali

Brexit: Il-Parlament tar-Renju Unit jerġa’ jiċħad il-ftehim

Id-deputati fil-Parlament tar-Renju Unit għadhom kemm ivvutaw — u għat-tieni darba — biex ma jaċċettawx il-ftehim għall-Brexit li l-Prim Ministru Theresa May kienet laħqet, xhur ilu, mal-Unjoni Ewropea.

Fl-ewwel kummenti wara l-vot, May sostniet li ‘kellha dispjaċir profond’ dwar ir-riżultat tal-vot li ħalliet il-Gvern tagħha f’sitwazzjoni ferm diffiċli. Dan meta issa żdiedu d-dubji dwar il-futur ta’ Theresa May bħala Prim Ministru.

It-telfa – b’391 vot kontra 242  — qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira oħra għal May wara li, f’Jannar, il-maġġoranza tad-deputati fil-House of Commons kienu ħadu l-ewwel vot biex jiċħdu l-ftehim u li, fil-fatt, kien l-akbar disfatta għal Gvern Britanniku fl-istorja.

Id-deputati li, il-lejla, vvutaw kontra l-ftehim għall-Brexit jemmnu li l-assikurazzjonijiet legali li kisbet May fl-aħħar taħditiet mal-UE mhumiex biżżejjed biex jevitaw li r-Renju Unit jibqa’ marbut mal-Unjoni, fuq bażi permanenti.

Qabel il-vot, May kienet ħeġġet lid-deputati biex jgħidu ‘iva’ għall-ftehim waqt li spjegat li qbil kellu jkun aħjar milli jissugraw sitwazzjoni fejn il-Brexit ma jsirx.

Sadanittant, għada mistenni jittieħed vot ieħor fil-Parlament Britanniku dwar jekk ir-Renju Unit iħallix l-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, Jekk id-deputati jiċħdu għall-għażla ta’ no-deal ma’ Brussell, huma, nhar il-Ħamis, jistgħu jingħataw vot dwar jekk jitolbux lill-Unjoni Ewropea għal dewmien fil-proċess tal-Brexit.