Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Casa fil-PE: “Aġixxu issa biex jaqgħu l-akkużi kontra Ünker”

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa jindirizza l-Parlament Ewropew

F’diskors fis-Sessjoni Plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa talab lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jitolbu lill-awtoritajiet Torok biex iwaqqgħu l-akkużi kontra l-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker. “Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dawn l-inġustizzji,” qal l-MEP Casa.

Il-ġurnalista Torka Pelin Ünker qed tiffaċċja sentenza ta’ ħabs ta’ 13-il xahar wara li rrapportat fatti dwar il-Paradise Papers, li jagħmlu referenza għal qraba ta’ politiċi fl-ogħla livell tal-poter fit-Turkija. “Pelin hi omm żagħżugħa. Jekk is-sentenza tkun infurzata, hi se jkollha tissepara minn mat-tarbija li għandha. Din hi amministrazzjoni krudili. Il-poplu Tork jixraqlu aħjar,” insista l-MEP Casa.

Wara li żarha u lit-tim legali tagħha f’Istanbul, David Casa stieden lil Ünker f’Malta għal attività li qed jorganizza nhar is-Sibt li ġej, li se tinkludi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili Maltija. Hi se tattendi wkoll il-vġili ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta. Dwar dan, l-MEP Casa għamel appell ieħor lill-awtoritajiet Maltin biex, kemm jista’ jkun malajr, joħorġu l-viża għal Pelin Ünker u l-familja tagħha biex tkun tista’ tiġi żżur Malta aktar tard din il-ġimgħa.

Fid-diskors tiegħu, l-MEP Casa għamel referenza wkoll għall-applikazzjoni tat-Turkija għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. “Taħt din l-amministrazzjoni, it-Turkija tinsab aktar ‘il bogħod mill-adeżjoni fl-UE milli kienet dakinhar li applikat bosta snin ilu. Ma jistax ikun hemm demokrazija vera mingħajr il-libertà tal-midja,” qal Casa, filwaqt li irrefera għall-każ ta’ Ünker.

Pelin Ünker tifforma parti mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi.

Inaċċettabbli li l-ġurnalisti fit-Turkija qed jiġu trattati ħażin – David Casa