Għall-Ġużeppini devoti madwar id-dinja, l-2020 se tkun sena speċjali, hekk kif se jkun qed jiġi ċċelebrat il-150 anniversarju minn meta, fl-1870, ir-raġel tal-Verġni Marija kien ipproklamat mill-Papa Beatu Piju IX bħala l-Patrun tal-Knisja Universali.
Għal din l-okkażjoni, mistennija għadd ta’ ċelebrazzjonijiet fil-Knejjes u l-Kappelli Kattoliċi li jfakkru l-ħajja ta’ dan il-Qaddis. Fosthom fis-Santwarju ddedikat lill-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, fejn is-Sibt li għadda ngħata bidu għal sena ta’ ċelebrazzjonijiet li jilħqu l-qofol tagħhom fid-19 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
NET News żar dan is-Santwarju, fejn intlaqa’ mill-Pirjol Patri Alex Scerri u mir-Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp Joe Cioffi, li spjegalna kif ta’ dan is-Santwarju, hi l-eqdem Arċikonfraternità ddedikata lil San Ġużepp f’pajjiżna.
Il-Pirjol spjega li matul dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, in-Nisrani għandu jħares lejn San Ġużepp bħala Missier Ġesù u r-raġel ta’ Marija, li aċċetta li jmexxi l-Familja Mqaddsa anke jekk fid-diffikultajiet ta’ dak iż-żmien.
F’saqajn l-Artal, issib tilqgħek il-vara devota ta’ San Ġużepp, li din is-sena se tagħlaq 325 sena. Fil-fatt, hi kien saret fl-1694, kollha fl-injam, minn Ignazio Portelli. Għal dawn l-anniversarji, ġie deċiż li din il-vara tittieħed għall-proċess estensiv ta’ restawr, fejn fost l-oħrajn sar trattament fl-injam tal-vara, kif ukoll irtokki fl-induratura u f’partijiet oħra.
Barra minhekk, tnaddaf ukoll wiċċ San Ġużepp u t-tfajjel Ġesù biex setgħu joħorġu l-kuluri oriġinali tagħhom, kollox xogħol ir-Restawratur Furjaniż Publius Magro.
Joe Cioffi spjega li hi l-intenzjoni tal-Arċikonfraternità li fil-futur qrib titranġa l-bieba tan-niċċa biex din il-vara tkompli tingħata l-qima li jixirqilha fl-aħjar ambjent possibbli.
Għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena mill-Proklamazzjoni ta’ San Ġużepp, is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt għażel is-slogan “Ma’ San Ġużepp, inħarsu l-Knisja ta’ Kristu”, bil-logo li se jkun qed jakkumpanja ċ-ċelebrazzjonijiet tħejja minn Fabio Borg.
//= $special ?>