Futbol Sport

Cristiano Ronaldo l-eroj ta’ Juventus bi tripletta li eliminat lil Atletico Madrid

(Ritratt: EPA)

JUVENTUS…………………… 3

W. Szczesny, J. Cancelo, L. Bonucci, G. Chiellini, L. Spinazzola (P. Dybala 67’), M. Pjanic, E. Can, B. Matuidi, F. Bernardeschi, C. Ronaldo, M. Mandzukic (M. Kean 80’)

ATLETICO MADRID………. 0

J. Oblak, S. Arias (Vitolo 77’), J. Gimenez, D. Godin, Juanfran, S. Niguez, Rodri, Koke, T. Lemar (A. Correa 57’), A. Griezmann, A. Morata

Imwissija: F. Bernardeschi 64’ (J), Juanfran 73’, J. Gimenez 86’, Vitolo 91’ (A)

Skorja: C. Ronaldo 27’, 49’, 85’ pen (J)

Referee: Bjorn Kuipers (Olanda)

Juventus irnexxielhom jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League meta b’wirja mill-aqwa għelbu lil Atletico Madrid 3-0 biex b’hekk dawru t-telfa ta’ 2-0 li kienu sofrew fil-Wanda Metropolitana.

Għat-tim ta’ Massimiliano Allegri spikka l-Portugiż Cristiano Ronaldo li skorja tripletta u wera l-kwalità fil-kompetizzjoni li hu rebaħ ħames darbiet. Kienet proprju din ir-raġuni li Juventus akkwistaw lil Ronaldo fit-tentattiv tagħhom li jirbħu din il-kompetizzjoni.

Juventus kienu għoddhom fetħu l-iskor wara tliet minuti b’gowl ta’ Giorgio Chiellini iżda l-gowl kien imħassar minħabba fawl ta’ Cristiano Ronaldo fuq il-gowlkiper Jan Oblak.

Juventus fetħu l-iskor wara 27 minuta bi kross ta’ Federico Bernardeschi lejn CRISTIANO RONALDO biex b’daqqa ta’ ras tipiku tiegħu għola qabel Juanfran u għeleb lil Jan Oblak b’daqqa ta’ ras. Ħames minuti wara free-kick ta’ Federico Bernardeschi għadda ftit għoli, bl-istess plejer jipprova b’ġest akrobatiku żewġ minuti wara li iżda spiċċa barra.

Fl-44 minuta daqqa ta’ ras ta’ Chiellini kienet imdawra f’korner minn Oblak filwaqt li fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, daqqa ta’ ras ta’ Alvaro Morata spiċċat fuq il-mimduda f’dik li kienet waħda mill-azzjonijiet rari tal-Ispanjoli.

Il-Bianconeri rduppjaw fid-49 minuta meta din id-darba kien kross ta’ Joao Cancelo mil-lemin, b’CRISTIANO RONALDO jerġa’ jogħla u skorja b’daqqa ta’ ras oħra, gowl li kien konfermat bil-Goal Line Technology wara li Oblak kien salva l-ballun ftit ċentimetri wara l-linja.

Dan il-gowl ta saħħa ġdida lil Juventus li naqqsu l-urġenza li kellhom, b’Atletico Madrid jonqsu li jieħdu l-logħba f’idejhom. Juventus setgħu skorjaw it-tielet gowl fit-82 minuta meta s-sostitut Moise Kean avvanza minn fuq ix-xellug, iżda x-xutt djagonali tiegħu bix-xellug għadda ftit barra.

Madankollu dan iċ-ċans kien preludju għall-gowl ta’ kwalifikazzjoni hekk kif żewġ minuti wara r-referee Bjorn Kuipers ordna penalty għal imbuttatura ta’ Angel Correa fuq Federico Bernardeschi. Mill-11-il metru nkariga ruħu CRISTIANO RONALDO li bagħat lil Oblak in-naħa l-oħra tal-ballun, fost il-ferħ tal-partitarji Juventini.