Lokali

Dar Papa Franġisku tipprovdi bejn 40 u 50 ikla kuljum lil min għandu bżonn

Imnedija borża ta' studju f'isem Charles Miceli f'għeluq is-sena mill-mewt tiegħu

Dar Papa Franġisku fi Fleur de Lys – waħda mit-tliet id-djar mħaddma mill-Fondazzjoni Dar il-Hena – tipprovdi bejn 40 u 50 ikla kuljum lil dawk li jinsabu fil-bżonn. Dan qalu Ian Galea, Amministratur tad-Djar f’kumment ma’ Net News. Minbarra l-ikla ta’ nofsinhar, Dar Papa Franġisku toffri wkoll servizz ta’ night shelter li jkun użat minn medja ta’ 18-il persuna kull lejl.

Dawn id-dettalji ħarġu waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn kienet imnedija borża ta’ studju fil-memorja ta’ Charles Miceli, attivist li ħadem biex jiġġieled il-faqar, f’għeluq is-sena mill-mewt tiegħu. Il-borża ta’ studju, li hi finanzjata mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi, hi ta’ €5,000 fis-sena bil-għan li jgħinu persuni li huma attivi f’dan il-qasam biex ikomplu jkabbru l-għarfien u jkunu iktar effettivi fil-ħidma tagħhom. Kif spjegat mill-Professur Carmel Borg

L-armla ta’ Charles Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli, saħqet dwar l-importanza li l-legat ta’ Charles Miceli jibqa’ jkun sostnut b’inizzjattivi bħal din il-borża ta’ studju

Fondazzjoni Dar il-Hena hi magħmula mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi, Caritas u l-Gvern Malti. Antonello Gauci, trustee tal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, esprima s-sodisfazzjon li din l-inizzjattiva se tikkontribwixxi biex iżżomm ħajja l-memorja ta’ Charles Miceli.

Hu qal li l-għan tal-Fondazzjoni hu li jkun hemm iktar persuni li jkollhom il-ħiliet meħtieġa u li jkunu fuq quddiem nett biex ikunu ta’ spalla għal min qed ibati.

L-Applikazzjonijiet għall-borża ta’ studju jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju. Persuni eliġibbli iridu jkunu ħadmu għal mill-inqas ħames snin f’qasam li jikkontribwixxi għas-solidarjeta’ soċjali, kemm fuq bażi professjonali kif ukoll fuq bażi ta’ volontarjat. L-Applikanti li diġa’ għandhom degree fuq livell ta’ Master jew li bħalissa qed isegwu kors, m’humiex eliġibbli.

Applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu online minn fuq is-sit https://thealfredmizzifoundation.com/