Lokali Parlament

Hemm bżonn li l-ħtiġijiet u x-xewqat tat-tfal jiġu rispettati

Meta kien qed jitkellem fuq l-Abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li jissotitwixxi l-Att dwar lil-Protezzjoni tat-Tfal u sabiex jipprovdi ghal ordnijiet ghall-protezzjoni tal-minuri, d-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi saħaq ħafna dwar il-bżonn li l-ħtiġijiet u x-xewqat tat-tfal jiġu rispettati.

Huwa qal li dan l-Abbozz għandu l-għan ukoll  li jistabbilixxi ħarsien alternattiv u protezzjoni xierqa għall-minuri mċaħħda mill-ħarsien tal-ġenituri, jew li huma f’riskju  li jiġu mċaħħda. Tenna li m’għandux dubju li qed titressaq din il-liġi ghax nemmnu li f’pajjiżna il-liġi tat-tfal, li titkellem dwar l-interessi, il-ħarsien, protezzjoni u anke d-drittijiet tat-tfal, għandha bżonn tiġi aġġornata.

Preżentament, il-liġi tagħna kull ma tgħid huwa li l-interessi tat-tfal għandhom jipprevalu pero’ ma tidħolx fid-dettall ta’ kif id-drittijiet tat-tfal, f’diversi ċirkostanzi għandhom jiġu mħarsa. Filwaqt,  li wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix in-nuqqasijiet li hemm fil-liġi preżenti, irridu ngħidu wkoll  li l-ħarsien tat-tfal minn dejjem kien fuq quddiem fl-aġenda nazzjonali.

Irridu nirrikonoxxu  ukoll li, fl-aħħar snin, kull amministrazzjoni tal-pajjiż kienet xhieda ta’ diversi avvanzi li twettqu f’dan il-qasam, kemm mill-aspett ta’ servizzi, kif ukoll mill-lat regolatorju. Il-Politika Nazzjonali ta’ Malta dwar  it-Tfal tħaddan il-viżjoni tal-UNICEF biex toħloq ambjent protettiv, fejn bniet u subien huma ħielsa mill-vjolenza, l-isfruttament, u seperazzjojni bla bzonn mill-familja.

Viżjoni fejn il-ligijiet, servizzi, imġieba u l-prattiċi jnaqqsu l-vulnerabilita’ tat-tfal, jindirizzaw fatturi riskjużi magħrufa, u jsaħħu l-kunfidenza u d-determinazzjoni tat-tfal. Wieħed irid jirrikonoxxi li fl-aħħar snin, kull amministrazzjoni tal-pajjiż,  kienet xhieda ta’ diversi avvanzi li twettqu f’dan il-qasam, kemm mill-aspett ta’ servizzi, kif ukoll mill-lat regolatorju.

Hu propju fuq dan li aħna rridu nkomplu nibnu biex ikollna soċjeta’ li hi adattata ghat-tfal, fejn it-tfal kollha jingħataw l-opportunitajiet u l-ispazji meħtiega biex jiżviluppaw it-talenti u l-kreattivita’ tagħhom.

Irridu nagħmlu dan bl-iskop li kull tifel u tifla jkun kburin bit-tfulija tiegħu. Dan hu l-messaġġ prinċipali, li aħna l-adulti, rridu nwasslu meta niġu biex nilleġiżlaw liġijiet favur it-tfal. It-tfal il-lum qed jitrabbew f’soċjeta’ li hija kkaratteriżżata minn bidla soċjali li kull ma jmur dejjem tiżdied.  Strutturi ta’ familji li jvarjaw, żviluppi storiċi, u progress teknologiku qed jagħmlu pressjoni fuq is-soċjetajiet biex jaddataw ma dawn iż-żminijiet ta’ bidla.

It-tfal qed jitrabbew f’familja aktar pluralistika. Apparti din it-tip ta’ struttura tal-familja, issa hemm aktar mudelli ta’ familja li qed ibiddlu t-tifsira soċjali tal-familja. L-irwol li qabel kellhom in-nannniet, li fl-eta’ tagħhom jieħdu ħsieb n-neputijiet, ukoll qed  jgħaddi minn bidliet illum, minħabba li numru ta nanniet se jkun għadhom attivi fis-suq tax-xogħol.

Biex is-soċjeta effettivament tindirizza l-bżonnijiet u l-interessi tat-tfal, dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati għandhom jirrealizzaw li l-kwistjonijiet fuq it-tfal huma mnissla minn sett ta’ politika raġonevoli.

Frederick Azzopardi qal li f’dan l-intervent xtaq jagħmel referenza ukoll dwar r-rwol li għandhal l-Qorti tal-Familja ġewwa Malta. Il-process t l-Qorti tal-Familja għandu jkun aktar “child friendly” u “child orientated” speċjalment fejn jidħlu separazzjonjiet.

Fl-istess waqt, il-Qorti għandha tgħin lill-koppji separati ħalli jgħaddu minn dan il-proċess bl-inqas tbatija possibbli. Dan għandu jsir sabiex fil-proċess ta’ separazzjoni tonqos kemm jista’ jkun it-trawma li jgħaddu minnha t-tfal.

Hemm bżonn li l-ħtiġjiet u x-xewqat tat-tfal jiġu rispettati, u mogħtija prijorita’ fil-liġi li tirregola l-proċeduri tal-Qorti tal-Familja, u dan għandu jsir ukoll fil-proċeduri ta’ Qrati oħra li jikonċernaw it-tfal. Hu tat-tħassib kif ċerti ġenituri qed iġibu l-interessi tagħhom qabel l-interessi tat-tfal. Ħafna mir-rikorsi jsiru minħabba l-egoiżmu tal-adulti li huma nvoluti fil-proċess ta’ separazzjoni.

Apparti li dawn ir-rikorsi qed jitfgħu pressjoni fuq il-Qorti, qed itawwlu l-proċess, b’detriment għall-interessi tat-tfal. Hemm bżonn li l-Qorti tkun aktar sensittiva sabiex meta t-tfal jiġu wżati mill-adulti, li f’ħafna każijiet huma l-ġenituri naturali tat-tfal stess, dan l-abbuż għandu jkun imwaqqaf immedjatament.

Fil-proċess ta separazzjoni t-tfal għandhom jiġu protetti peress li huma l-aktar vunerabbli. Matul il-proċess legali tas-separazzjoni t-tfal m’għandhomx jitqiesu bħala oġġett. Il-medjazzjoni tintuża kemm fil-bidu tal-każ tas-separazzjoni, kif ukoll meta koppja tkun isseparat fejn ikun hemm bżonn li jinbidlu l-kundizzjonijiet tas-separazzjoni, din permezz ta’ xi emenda fil-kuntratt tas-separazzjoni li tissejjaħ separazzjoni bonarja.

“Irrid ngħid li fil-medjazzjoni m’hemmx rebbieħ u tellief iżda li l-mara u raġel jiftiehmu, speċjalment ghall-interessi tat-tfal. La qed nitkellem dwar is-separazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi jinħass il-bżonn li wara li jintemm il-proċess legali tas-separazzjoni u jiġi ffirmat il-kuntratt bejn il-kopja jew tingħata  sentenza, ikun hemm il-proċeduri kollha meħtieġa sabiex l-obbligi li hemm fil-kuntratt jiġu rispettati speċjalment fejn jidħlu t-tfal. Il-medjaturi f’dan l-aspett jilgħabu rwol importanti.

“Wiehed kien jistenna li din il-ligi kellha tkun intiża u twassal li f’pajjiżna jkollna liġi ad hoc li tirregola d-drittijiet u l-interessi tat-tfal fiċ-ċirkostanzi kollha li jibdew iħarsu l-interessi u d-drittijiet tat-tfal qabel it-twelid sakemm ikollhom 18 -il sena”, temm jgħid id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi.