Lokali Parlament

Il-faqar fil-familji jħalli lit-tfal lura f’ ħajjithom

Meta kien qed jitkellem dwar il-liġi rigward id-Drittijiet tal-Minuri d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li bħala Oppożizzjoni hija favur din il-Liġi u aktar minn hekk fil-proċess Parlamentari huwa qed iressaq ħsibijiet, l-aktar fejn jidħlu t-tfal fil-faqar sabiex intejjbu din il-Liġi mhux biss bħala protezzjoni iżda biex nippromwovu d-dritt għat-tfulija li darba biss tiġi fil-ħajja ta’ kull bniedem.

Qal li uliedna għandhom dritt għal tfulija sabiħa, li jibqgħu jiftakruha għmorhom kollu.  U meta jsiru anzjani jkunu jistgħu jgħidu “dak kien żmien.”  Imma sfortunatament għal xi wħud jistkerrħu tfulithom. Għaliex dan il-perjodu tant importanti f’ ħajjithom ma kienx xi wieħed xieraq”.

It-tfulija jifforma l-futur tat-tfal u aktar tard tas-soċjeta u l-pajjiż.  Ta’ l-anqas għandna liġi li tmiss l-umanita’ qabel il-profitt, id-dinjita tal-bniedem qabel il-fruntieri.  Ejjew nieħdu l-okkażżjoni u nħarsu lejn it-tfal foqra, lejn dawk it-tfal li wara l-iskola joqogħdu jduru mal-blokk sakemm jisparixxu n-nies, għax jistħu juru li joqgħdu f’ kerrejja.

Ejjew inħarsu lejn tfal li waqt il-brejk jinqatgħu għalihom weħidhom għax jistħu juru lil sħabhom li qegħdin jieklu ħobż bil-butir.  Ejjew inħarsu lejn it-tfal li minħabba s-sitwazzjoni tad-dar jispiċċaw jagħmlu xogħol ommhom.  Wara l-iskola jispiċċaw isajru u jagħmlu dmirijiet oħra, għax inkella ma jagħmlu ħadd. Il-faqar fil-familji jħalli lit-tfal lura f’ ħajjithom.

Bartolo kompla jgħid li miżuri favur l-inklużjoni soċjali għandhom isiru b’ attenzjoni.   Il-proċess iseħħ bl-isforz ta’ kull wieħed u waħda minnha.  Li kull persuna tagħraf il-potenzjal u tilħaq il-milja ta’ ħajjitha.

Il-kelliem qal li jrid isir dak kollu possibbli fejn nisimgħu jew nindunaw b’ xi ħadd mit-tfal li li qed jesperjenza l-faqar.  L-istat u s-soċjeta’ m’ għandha qatt tittollera l-faqar fuq it-tfal . L-istat għandu jkun reżiljenti u jtejjeb l-għixien ta’ dawn it-tfal.   F’ Malta m’ għandniex tfal li qed imutu bil-ġuħ iżda għandna tfal li qed jgħixu faqar relattiv.  Tfal li m’għandhomx ir-riżorsi sabiex jieklu, ma jistgħux jipparteċipaw f’ kull attivita’ u opportunita’ li tiġihom.

Il-Gvern diġa qed jagħmel ħafna iżda mhux biżżejjed.  Per eżempju jekk omm ma tistax tħallas għal fotokopji li jkollhom bżonn fil-klassi, l-Edukazzjoni tgħin, iżda rridu mmorru oltre minn hekk. Bartolo saħaq li hemm evidenza li l-faqar jintiret, u għalhekk il-Gvern irid jidħol bir-ras f’ dawn iċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet. Studji lokali juru biċ-ċar li t-tfal li jitilgħu fil-faqar imorru ħażin fl-iskola.   Ikollhom kwalita ta’ saħħa mhux tajba.   Ma jipparteċipawx fil-ħajja soċjali.

Ma nistgħux nippermettu  li fis-sena 2019, tfal f’ Malta jikbru u jibqgħu mingħajr il-ħiliet bażiċi.  Għaliex imbgħad tkun aktar diffiċċli għalihom li jsibu xogħol u b’ hekk faċli aktar li jinqabdu fil-“poverty trap”.Fi skejjel statali kien hemm 3,927 student li ma marrux skola għal aktar minn 10 ijiem. Il-Gvern qed jonfoq aktar minn €21 kuljum għal kull student.

Issa din l-ispiża irridu naraw li tħalli frott li jibqa. Il-Ministru Evarist Bartolo jgħid li jaf 16,000 student fil-faqar. Issa l-familji foqra jagħmlu minn kollox sabiex ma jidhrux li huma foqra. It-tfal (kif jaf kulħadd)  jimirdu spiss.  Ftit ilu omm separata bdiet tispjegali l-għaqal tagħha kif tqassam flusha meta jasal ir-relief u kif tipprova tiffranka lira, għax tħoss li l-ewwel prijorita tagħha huma dawk il-pilloli ta’ binha li tkun trid tixtri meta ma jtuhiex tal-POYC.

Abbużi fuq vittmi tal-Vjolenza Domestika;

Kompla jgħid li kien hemm ‘l fuq minn 1,300 każijiet  ta’ vjolenza domestika fi 2017. Sitt każijiet ta’ vjolenza domestika kuljum (2018)!! Bżonn li l-aggressuri jkunu obbligati bil-liġi li joħorġu mid-djar tal-vittmi. Dan huwa forma ta’ faqar, u t-tfal l-aktar li jbatu fis-sitwazzjoni kollha.

Kirjiet mhux affordabbli;

Il-kera f’pajjiżna żdiedet b’47% f’erba’ snin.  Neħtieġu li nagħamlu dixxerniment, u naraw minn xiex għaddejjin it-tfal f’ dan il-kwadru kollu. Tfal nomadi, jiġru minn post għall ieħor; Iridu jibdlu l-post kull darba (fejn isibu l-irħas). Dejjem bil-ħsieb iberren, bil-mannara fuq rashom li se jispiċċaw barra t-triq. Jitilfu l-ħbieb li jkunu draw u jridu jsibu oħrajn. Jidraw għalliema, li forsi jsibu għajnuna kbira mingħandhom, biex imbgħad ma jarawhomx aktar.

Finalment huwa appella lis-soċjeta, kif qed nittkellmu dwar abbozz ta’ liġi tant sensittivi, dil-kamra tiddissassoċċja lilha nfisha mill-kultura li tarmi t-tfal.  ….. mill-kultura li toqtol lit-trabi mhux imwielda.   Din il-kamra għandha tkun kburija billi tipproteġi l-ħajja mill-ġuf, dejjem u kullimkien.  Din għandha tkun ir-rabta tagħna mas-soċjeta’, akkost ta’ kollox.

Ma narawx kollox u lil kulħadd voti. Bartolo qal li jippreferi ġimgħa bil-wieqfa milli għomru għarkubbtejh.  L-ebda bniedem ma jista jippretendi għalih id-dritt li jeqred direttament il-ħajja ta’ bniedem innoċenti jew iqis lil xi bniedem ieħor bħalu bla valur jew xkiel.  Appella biex “Din il-Kamra” għandha tipproteġi l-ħarsien ta’ kull ħajja umana mit-tnissil sal-mewt, aktar u aktar meta l-bniedem ikun f’ pożizzjoni vulnerabbli jew żvantaġġata.  Irridu nkunu Ambaxxaturi tal-ħajja, ma nistgħux inkunu Ambaxxaturi fil-ktajjen.