Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-YouTubers Maltin se jitħallsu għall-kontenut li jipproduċu – Zammit Dimech

L-MEP Malti jwassal għar-riżultati fi żmien sena

“Is-sena li għaddiet, jien wegħdt il-YouTubers Maltin, fil-preżenza tal-Google, li se naħdem biex il-YouTubers Maltin jibdew jitħallsu għall-kontenut li jiġġeneraw. Sena wara, għandna r-riżultat f’idejna, u l-YouTubers Maltin se jibdew jitħallsu għall-kontenut li jipproduċu u jxerrduh online. Bħala MEP, ħdimt biex dan isir u jien kburi li rnexxielna niksbu dan ir-riżultati importanti. Jien se nibqa’ kommess li naħdem favur l-artisti Maltin.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li ġie nfurmat li YouTube se jniedi l-YouTube Partnership Programme (YPP) aktar tard din il-ġimgħa.

Aktar kmieni dan ix-xahar, waqt intervista fuq TVM, Zammit Dimech spjega kif fi Frar kellu laqgħat ma’ Google u ngħata assigurazzjoni li l-isfidi legali kienu se jingħelbu biex ikun jista’ jitnieda dan il-programm fi żmien ftit xhur.

Zammit Dimech irringrazzja lill-Google talli ħadu l-passi biex jibda l-programm ta’ YouTube wara t-tnedija b’suċċess ta’ YouTube Malta youtube.com.mt. Hu qal “dawn huma passi importanti li jagħmlu l-kontenut lokali aktar aċċessibbli u għalhekk tiżdied il-promozzjoni tal-kontenut li jinħoloq minn kreaturi lokali, nkluż diversi artisti.” Hu qal li dan hu kruċjali biex jingħata appoġġ lill-artisti żgħażagħ. Zammit Dimech qal li YouTube hu pjattaforma importanti ħafna, b’mod speċjali għall-artisti żgħażagħ li jridu jaqsmu t-talent tagħhom. Għalhekk, dawn il-passi se jkomplu jgħinu l-artisti lokali biex jkabbru l-udjenza u l-appoġġ finanzjarju.

Is-sena li għaddiet, Zammit Dimech organizza sessjoni ta’ taħriġ għall-komunità Maltija ta’ YouTube u stieden esperti tal-YouTube biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ diversi Maltin u Għawdxin, biex isiru jafu aktar kif isaħħu l-vuċi tagħhom online, permezz ta’ workshops li immiraw livelli differenti ta’ kompetenza.

Zammit Dimech irringrazzja wkoll lill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura u l-Media Therese Comodini Cachia, li wkoll ħadem biex din tkun tista’ sseħħ, inkluż meta kienet MEP fil-ħidma tagħha biex tmexxi r-riforma tal-Copyright.

Pass ieħor għall-Youtubers Maltin biex jitħallsu għall-kontenut li jkun iġġenerat online