Fil-pajjiżi żviluppati hu stmat li wieħed minn kull erba’ persuni jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali f’xi mument f’ħajjithom. B’dan il-ħsieb f’moħħhom, il-professjonisti tar-Richmond Foundation qed isaħħu l-ħidma tagħhom, partikolarment fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
Din qed issir, hekk kif il-Fondazzjoni għalqet iċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju mill-ftuħ tagħha, bit-tnedija ta’ kampanja ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali u t-tnedija ta’ dehra ġdida għall-organizzazzjoni, fi tmiem proċess ta’ rebranding.
Fl-attività, il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant nediet il-linja freephone 1770, fejn wieħed ikun jista’ jsib persuni lesti biex jisimgħuh u jibdew il-vjaġġ tal-fejqan. L-organizzazzjoni qed tħeġġeġ lil dak li jkun biex meta jħoss sintomi relatati mal-mard mentali, jiqaf għal 10 minuti minn dak li jkun qed jagħmel u jċempel għall-għajnuna.
Spjegat li Richmond Foundation illum tipprovdi 11-il servizz lil madwar 2,000 persuna fis-sena, konxji mill-fatt li l-ammont ta’ persuni li jista’ jkollhom problemi ta’ saħħa mentali aktarx jiżdied għal wieħed minn kull tliet persuni.
F’Malta, 6.8 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom kundizzjoni kronika, b’75 fil-mija minn dawn ikunu żgħażagħ. Hu għalhekk li Richmond Foundation ħasset li kellha ddur dawra madwarha biex tibqa’ relevanti, fl-impenn sħiħ u b’serjetà.
Stephania Dimech Sant qalet li f’pajjiżna għad hawn nuqqas ta’ informazzjoni, kif ukoll biża’ li min ibati minn problemi ta’ saħħa mentali jista’ jispiċċa fi lsien in-nies. Għaldaqstant, l-organizzazzjoni tara li tipprovdi anke interventi individwali mal-pazjenti, filwaqt li maż-żmien żviluppat housing b’assistenza biex il-persuni jibqgħu fil-komunità.
Il-Kap Eżekuttiv irringrazzjat lil dawk kollha li jgħinu lir-Richmond Foundation, partikolarment lill-impjegati u l-professjonisti, flimkien ukoll mal-media u l-azjendi kummerċjali, li jgħinu fit-twassil tal-messaġġ. Ringrazzjament partikolari lil BRND WGN, li ddiżinjaw il-logo il-ġdid.
Sadanittant, l-attività kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Anthony Guillaumier, li fakkar fl-attivitajiet li nżammu s-sena li għaddiet biex jitfakkar il-25 anniversarju.
U min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li fil-25 sena li ġejjin, għandhom isiru qabżiet akbar, filwaqt li tinbidel il-mentalità, fejn jekk bniedem ikollu problema, m’għandux jieqaf milli jagħmel l-ewwel pass.
Hi ngħaqdet mal-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation, f’appell għal aktar għajnuna, fosthom dik finanzjarja. Iżda l-President qalet li filwaqt li hu tajjeb li wieħed ibiddel l-immaġni tiegħu biex jadatta maż-żminijiet, m’għandu qatt ibiddel il-valuri tiegħu, li fil-fatt, għandhom jibqgħu dejjem aktar sodi.
//= $special ?>