Sport Sport Ieħor

It-tim Malti tat-Ten Pin Bowling se jibqa’ l-istess għall-Kampjonati tal-Mediterran li se jsiru f’pajjiżna

It-tim Malti li ħa sehem fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterran tat-Ten Pin Bowling

Għat-tielet darba, Malta se tkun qed torganizza l-Kampjonati tal-Mediterran tat-Ten Pin Bowling. Din it-22 edizzjoni attirat numru rekord ta’ parteċipanti, b’total ta’ 16-il pajjiż jieħdu sehem. Il-Portugall, il-Kosovo u l-Eġittu se jikkompetu għall-ewwel darba.

It-tim Malti li se jipparteċipa hu l-istess wieħed li ħa sehem fl-aħħar edizzjoni fit-Turkija. Għalhekk it-tim se jkun magħmul minn Sua Abela, Sara Xuereb, Mauro Anastasi u Justin Caruana Scicluna, tal-aħħar se jkun qed jiddefendi l-midalja tad-deheb li rebaħ is-sena l-oħra. Sue Abela hi l-unika bowler li pparteċipat fl-edizzjonijiet kollha u hi wkoll l-aktar atleta li rebħet midalji tad-deheb f’dawn il-Kampjonati.

F’konferenza stampa, il-President tal-Malta Ten Pin Bowling Association Paul Baldacchino qal li matul iż-żmien, pajjiżna rebaħ diversi midalji u jittama li din l-edizzjoni toffri l-istess suċċess. Baldacchino rringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti u lil SportMalta tas-sapport li taw biex din l-organizzazzjoni setgħet tkun possibbli.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ se ssir fl-1 ta’ April, bil-kompetizzjonijiet jibdew l-għada 2 ta’ April. Fatt interessanti se jkun li għall-ewwel darba l-President tal-World Bowling Sheik Talal Mohammed Al Sabah se jattendi għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.

Il-programm ta’ logħob

It-Tlieta 2 ta’ April         Singles

L-Erbgħa 3 ta’ April      Doubles

Il-Ħamis 4 ta’ April       Mixed Doubles

Il-Ġimgħa 5 ta’ April     Team x4

Is-Sibt 6 ta’ April           Masters