Lokali

Nar kbir jaħkem imħażen tal-Karnival; salvati żewġt iklieb

Nar li beda minn maħżen fil-Marsa ħalla ammont kbir ta’ ħsarat wara li in-nirien infirxu f’imħażen oħrajn. Jidher li fost l-imħażen li inħakmu min-nar li nfirex hemm dawk li jintużaw mid-dilettanti tal-Karnival.

Fil-fatt, fil-post għad hemm ukoll xi karrijiet li pparteċipaw fl-isfilati tal-ġimgħa li għaddiet. U d-dilettanti dehru viżibbilment maħsuda b’dak li seħħ.

Fil-post marru numru kbir ta’ pumpieri u ħames vetturi tat-tifi tan-nar fosthom il-High Volum Water Carrier u l-Industrial Fire Fighting Unit.

Rapporti indikaw li fuq ġewwa tal-imħażen kien hemm xi klieb maqbuda. Dawn ġew salvati bl-għajnuna tas-CPD.

Net News hu nfurmat li r-riħ qawwi ta’ dalgħodu għen mhux ftit sabiex il-fjammi komplew jinfirxu, u f’xi waqtiet kien diffiċli li n-nar jiġi kkontrollat. Bin-nirien spiċċaw ukoll waqgħu s-soqfa tal-imħażen.