Sport

Organizzata konferenza nazzjonali dwar l-isport fil-komunità

(Ritratt: Martin Agius)

“Ir-rabta flimkien fi ħdan il-komunità permezz ta’ attività fiżika” kienet it-tema ewlenija f’konferenza nazzjonali organizzata mill-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport u minn SportMalta.

L-istess tema kienet trattata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima kif ukoll mill-kelliem għall-Isport fi ħdan il-Partit Nazzjonalista – Ryan Callus li għamel referenza kif l-isport għandu jgħaqqad kif fil-każ ta’ Jake Vella, il-poplu jingħaqad f’sapport kontra min prova jirredikola persuna li huwa ta’ ispirazzjoni għal bosta u dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Callus semma d-deċiżjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li għażlet li r-rebbieħa tal-unuri tal-Isportivi Nazzjonali jiltaqgħu mal-President ta’ Malta b’rappreżentenza taż-żewġ partiti f’turija ta’ għaqda nazzjonali favur l-isport.

Hu ma naqasx milli jsemmi l-importanza li l-isport jkun aċċessibbli għal kulħadd u rrefera għall-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tal-Volleyball li toffri lit-tfal b’diffikultajiet soċjali ċ-ċans li jilagħbu l-volleyball bħala sens ta’ inklużjoni soċjali.

Indirizzaw ukoll il-Konferenza, il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Prof. Saviour Zammit, Dr. Andrew Decelis – Direttur tal-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport – magħruf bħala IPES, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.

Il-kelliem ewlieni kienet Dr. Koe Harris mill-Università ta’ Loughborough fir-Renju Unit li tkellmet dwar dak li huwa magħruf bħala Proġett PAL, intiż sabiex jiżviluppa s-settur tal-għalliema bil-għan li jikber l-għarfien u promozzjoni tal-attività fiżika fi ħdan il-komunità. Waqt l-istess konferenza, saru wkoll għaxar preżentazzjonijiet b’rabta mal-istess suġġett.