Għawdex Lokali

Salib kbir u Via Sagra unika f’Għajnsielem

Il-Ħadd tbierku is-salib u l-Via Crucis illi tpoġġew apposta fid-daħla ta’ Għajnsielem għall-perijodu tar-Randan – installazzjoni li saret fl-istess post fejn fil-Milied isir Betlehem f’Għajnsielem.

Dan il-proġett ħa ħames ġimgħat xogħol sabiex inbnew is-salib u anke il-Via Sagra.

Is-salib hu għoli 15–il-metru, u mibni minn struttura tal-ħadid li ġiet miksija b’injam riċiklat u pallets. Fatt interessali huwwa li jekk wieħed ikollu jpoġġi l-injam kollu li ntuża wara xulxin, injama wara l-oħra, it-tul tagħhom ikun jammont għal kważi 1.7 kilometri, u jekk tpoġġi l-ħadid bl-istess mod jieħu 1.3 kilomettri.

Ntużaw aktar minn 4 tunnellati ġebel għal piż isfel u 160 metru ventijiet biex tinżamm l-istruttura stabbli u sigura. Biex twaħu l-injam intużaw madwar 2,450 viti.

Dan ix-xogħol dedikat sar kollu minn team żgħir ta’ voluntiera, imma b’qalb kbira mill-għaqda drammatika.

Is-Sindku Franco Ciangura u l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem qed iħeġġu lill-pubbliku sabiex iżuru dan il-post, li jinsab fit-tela’ eżatt kif tħalli l-vapur t’Għawdex. Anke x’ħin jidlam, l-installazzjoni ser tkun mixgħula.

Ta’ min isemmi li l-injam kollu ġie mogħti b’xejn minn diversi kumpaniji lokali fosthom Gozo Aluminum u Magro Brothers, filwaqt li d-dawl ġie mogħti minn Reno Ironmonger.

Il-proġett sar bis-support tal-Ministeru għal Għawdex.